Il-Kummissjoni Ewropea għamlet proposta għall-ħolqien ta’ Network ta’ Ċentri ta’ Kompetenza fiċ-Ċibersigurtà u Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà biex tinkiseb kapaċità taċ-ċibersigurtà b’saħħitha u pijuniera fl-UE.
Ċentru ta’ kompetenza fil-qasam taċ-ċibersigurtà
Kif se taħdem il-proposta?
Il-proposta toħloq Network ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni, Komunità ta’ Kompetenza fiċ-Ċibersigurtà u Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà.
X’tinvolvi din il-proposta għaċ-ċittadini?
Din il-proposta se tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-industriji fl-Istati Membri kollha jipprevjenu u jirrispondu b’mod aktar effettiv għat-theddid ċibernetiku u se tippermettilhom jiksbu aċċess għall-għarfien espert dwar iċ-ċibersigurtà u għal prodotti u soluzzjonijiet tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-protezzjoni tal-aċċess għal servizzi essenzjali bħat-trasport, is-saħħa, is-servizzi bankarji u finanzjarji. Fl-aħħar mill-aħħar, iż-żieda fil-kapaċità tal-Unjoni Ewropea li tiżgura l-prodotti u s-servizzi tagħha tgħin ukoll liċ-ċittadini jgawdu d-drittijiet u l-valuri demokratiċi tagħhom. Pereżempju, tipproteġi aħjar id-drittijiet tagħhom relatati mal-informazzjoni minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u tal-ħajja privata. Konsegwentement, dan iżid il-fiduċja tagħhom fis-soċjetà u fl-ekonomija diġitali. Fi kliem ieħor, din il-proposta se tagħti kontribut għat-tnaqqis taċ-ċiberkriminalità bħall-frodi bankarja online jew is-serq tal-identità u għall-prevenzjoni jew l-identifikazzjoni ta’ żvelar ta’ data, bħal mill-midja soċjali.
X’inhuma l-implikazzjonijiet għall-industrija u l-SMEs?
Din l-inizjattiva se tgħin lill-industrija Ewropea taċ-ċibersigurtà tiżviluppa u tuża prodotti u soluzzjonijiet ġodda u aħjar taċ-ċibersigurtà. Dan se jgħinhom ukoll jegħlbu l-ostakli attwali tas-suq u jżidu s-sehem mis-suq tagħhom filwaqt li jirrispettaw ir-regoli tal-kompetizzjoni ġusta. L-inizjattiva se tgħin ukoll lin-negozji f’setturi differenti, inklużi t-trasport, l-enerġija, is-saħħa, il-finanzi u aktar, biex jagħmlu l-prodotti u s-servizzi tagħhom aktar siguri mil-lat ċibernetiku u b’hekk iċ-ċibersigurtà tinbidel f’vantaġġ kompetittiv. Dan jinkludi appoġġ għall-SMEs. Din l-inizjattiva se tappoġġa lill-SMEs u lill-industrija billi takkwista u tikkoinvesti fl-esperimentazzjoni u fiċ-ċertifikazzjoni tal-infrastruttura, tappoġġa l-attivitajiet ta’ varar, tiżviluppa l-ħiliet diġitali u tevita l-eżodu ta’ mħuħ. Dan se jgħin ukoll lill-SMEs u lill-industrija biex jiksbu viżibbiltà lejn investituri potenzjali u sħab kummerċjali ġodda u jimplimentaw aġenda ta’ riċerka strateġika li twieġeb għall-ħtiġijiet industrijali.
Xi jfisser dan fil-prattika għall-komunità tar-riċerka?
Permezz taċ-Ċentru ta’ Kompetenza, l-appoġġ finanzjarju għal proġetti kollaborattivi tal-komunità tar-riċerka u industrijali se jkompli jiġi pprovdut bl-istess mod kif kien il-każ s’issa fil-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni. Dan ifisser li l-konsorzji ta’ universitajiet, kumpaniji u/jew partijiet ikkonċernati oħra jistgħu jkomplu japplikaw għal finanzjament bħal għal proġetti li jiżguraw l-Internet tal-Oġġetti jew is-sistemi tat-telekomunikazzjoni jew għall-iżvilupp ta’ tekniki li jtejbu l-privatezza. Barra minn hekk, l-istrutturi maħluqa maċ-Ċentru ta’ Kompetenza u man-Network u l-appoġġ finanzjarju pprovdut permezz tagħhom se jiftħu opportunitajiet addizzjonali għan-networking, għall-bini tal-komunità, għall-aċċess għall-faċilitajiet tal-ittestjar u tal-esperimentazzjoni u għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet, u b’hekk javvanzaw l-aġenda tar-riċerka u industrijali. Prattikament dan ifisser li x-xjenzati u l-iżviluppaturi se jkollhom aċċess aħjar għall-għarfien disponibbli fl-Ewropa, kif ukoll għall-faċilitajiet tal-informatika, il-bankijiet tat-testijiet jew ir-riżorsi tad-data.
X’inhi r-rabta bejn din l-inizjattiva u s-sħubija pubblika-privata kuntrattwali maħluqa fl-2016?
Din l-inizjattiva tibni fuq l-esperjenza tas-Sħubija Pubblika-Privata kuntrattwali dwar iċ-ċibersigurtà (cPPP) maħluqa fl-2016. Is-cPPP kien l-ewwel pass biex jinġiebu flimkien l-industrija taċ-ċibersigurtà, in-naħa tad-domanda u l-komunità tar-riċerka. Din il-proposta hija pass ambizzjuż li jmiss: il-ħolqien ta’ mekkaniżmu li jippermetti l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ riċerka, innovazzjoni u varar b’mod integrat, l-akkomunament u l-ġestjoni tal-baġit minn sorsi differenti (il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri) biex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ kompetenza u infrastrutturi kondiviżi, li jappoġġaw l-użu effettiv ta’ prodotti u soluzzjonijiet taċ-ċibersigurtà.
Related content

In-Network u ċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza fil-qasam taċ-Ċibersigurtà jgħinu lill-UE żżomm u tiżviluppa kapaċitajiet teknoloġiċi u industrijali fil-qasam taċ-ċibersigurtà.