Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
News article | Pubblikazzjoni

L-Assemblea tal-firmatarji biex jissaħħaħ il-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-diżinformazzjoni

L-Assemblea tal-firmatarji tal-Kodiċi ta’ Prattika uffiċjalment tat bidu għall-proċess tal-abbozzar tal-Kodiċi ta’ Prattika msaħħaħ dwar id-Diżinformazzjoni.

L-Assemblea tal-firmatarji tal-Kodiċi lbieraħ iltaqgħet biex tibda l-proċess li se jsaħħaħ il-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni.

L-Assemblea tiġbor flimkien il-firmatarji tal-Kodiċi u l-firmatarji l-ġodda li huma lesti li jissottoskrivu u jieħdu impenji skont il-Kodiċi tal-2021. L-għan tal-Assemblea huwa li tirrevedi l-Kodiċi tal-2018 f’konformità mal-Gwida biex jissaħħaħ il-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni, ippubblikata mill-Kummissjoni fis-26 ta’ Mejju 2021. Dan fid-dawl tat-trasformazzjoni tal-Kodiċi fi strument aktar b’saħħtu biex tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni fl-UE. L-Assemblea se tiżgura li l-Kodiċi tal-2021 jistabbilixxi impenji mfassla apposta li jikkorrispondu għad-diversità tas-servizzi offruti mill-firmatarji, adattati għar-rwoli rispettivi tagħhom fl-ekosistema online, kif ukoll qafas robust għall-monitoraġġ u s-sorveljanza regolari tal-Kodiċi, li jiddefinixxi Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni li kapaċi jkejlu l-implimentazzjoni u l-effettività tal-Kodiċi.

Il-membri tal-Assemblea approvaw Vademecum dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-proċess li se jsawwar u jabbozza l-Kodiċi msaħħaħ dwar id-Diżinformazzjoni sa tmiem l-2021.

Sejħa konġunta għal interess

Il-Kummissjoni u l-firmatarji attwali tal-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni nedew ukoll Sejħa Konġunta għal interess biex jissieħbu fil-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni, filwaqt li stiednu lill-partijiet interessati juru l-interess tagħhom li jsiru firmatarji tal-Kodiċi msaħħaħ u jinvolvu ruħhom fit-tħejjija tiegħu.

Is-sejħa hija indirizzata lil firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, inklużi fornituri ta’ servizzi online li jipparteċipaw fid-disseminazzjoni ta’ kontenut lill-pubbliku bħall-media soċjali jew servizzi ta’ tiftix, applikazzjonijiet ta’ messaġġi privati, partijiet ikkonċernati mis-settur tar-reklamar u atturi oħra li jipprovdu servizzi li jistgħu jintużaw biex jimmonetizzaw id-diżinformazzjoni. Il-partijiet ikkonċernati li jgħinu biex jiġi indirizzat it-tixrid tad-diżinformazzjoni permezz tal-għodod, l-isforzi tekniċi, il-ħidma filantropika jew l-għarfien espert speċifiku tagħhom jistgħu jsiru firmatarji wkoll.

Il-passi li jmiss

L-Assemblea ddefiniet it-twaqqit u l-prattikalitajiet ta’ ħidma tal-proċess ta’ abbozzar, li se jsir fil-Gruppi ta’ Kwistjonijiet:

  • l-integrità tas-servizzi u l-għoti tas-setgħa lill-utenti, inklużi l-KPIs rilevanti;
  • l-għoti tas-setgħa lill-komunità tar-riċerka u tal-verifika tal-fatti, inklużi l-KPIs rilevanti;
  • l-iskrutinju tal-kollokamenti tar-reklami, tar-reklamar politiku u tar-reklamar ibbażat fuq il-kwistjonijiet, inklużi l-KPIs rilevanti;
  • monitoraġġ tal-Kodiċi.