
Il-Kummissjoni diġà qajmet it-tħassib tagħha f’ittra ta’ intimazzjoni mibgħuta lill-Kroazja f’Lulju 2024. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Kroazja tonqos milli tikkonforma mar-Regolament (UE) 2022/2065. Skont id-DSA, l-Istati Membri jeħtiġilhom jaħtru Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tar-Regolament fil-ġuriżdizzjoni tagħhom. Koordinatur tas-Servizzi Diġitali operazzjonali huwa meħtieġ jagħti effett sħiħ lid-dispożizzjonijiet tad-DSA fit-territorju tal-Istat Membru tiegħu, biex jippermetti lill-utenti jibbenefikaw mir-regoli tiegħu u joħloq ċertezza legali għall-atturi tas-suq. Wara l-ewwel ittra ta’ intimazzjoni, il-Kroazja adottat leġiżlazzjoni li timplimenta d-DSA fit-18 ta’ April 2025. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-Kroazja għadha qed tonqos milli tagħti s-setgħa lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tagħha u implimentat b’mod ħażin is-setgħat ta’ sanzjoni previsti mid-DSA. B’mod partikolari, il-liġi Kroata mhux dejjem tirrispetta l-limiti massimi ta’ 6 % għall-multi u 5 % tal-fatturat jew tal-introjtu medju dinji ta’ kuljum għall-pagamenti perjodiċi ta’ penali għall-pjattaformi online, u lanqas ma tiżgura li l-penali kollha jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Barra minn hekk, ma tippermettix li jiġu imposti multi fuq individwi talli jipprovdu informazzjoni skorretta jew mhux kompluta jew talli jonqsu milli jikkooperaw mal-ispezzjonijiet, kif meħtieġ mir-Regolament. Il-Kroazja issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.
Sib aktar informazzjoni dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) u l-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali