
Id-dritt tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur jipprevedi d-drittijiet esklużivi tal-awturi li jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom. Dan jinkludi l-għażla għall-awturi li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom individwalment jew li jafdaw jew jittrasferixxu l-immaniġġjar tagħhom kollha jew parti minnhom lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jew lil entitajiet ta’ mmaniġġjar indipendenti. Madankollu, skont il-liġi Slovena, l-awturi ma għandhom l-ebda għażla ħlief li jħallu l-ġestjoni tad-dritt tagħhom għal organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv. Dan iwassal għal ċaħda tad-drittijiet esklużivi tal-awtur u jmur kontra l-libertà tad-detenturi tad-drittijiet li jirtiraw id-drittijiet tagħhom mill-immaniġġjar kollettiv, iggarantita mil-liġi tal-UE. L-iskema obbligatorja ta’ mmaniġġjar kollettiv prevista skont il-liġi Slovena tikkostitwixxi limitazzjoni għad-drittijiet definiti fid-Direttivi. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tibgħat ittra ta’ intimazzjoni lis-Slovenja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb għall-argumenti mqajma mill-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta’ tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata lis-Slovenja.
Sib aktar informazzjoni dwar:
- Regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur
- Il-liġi tal-UE dwar id-drittijiet tal-
- Direttiva dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (Direttiva 2001/29/KE)
- Direttiva dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta' liċenzji multiterritorjali ta' drittijiet f'xogħlijiet mużikali għall-użu online fis-suq intern (Direttiva 2014/26/UE)