
GettyImages © Somkid Thongdee
Dan huwa kompletament konformi mal-aġenda ta’ simplifikazzjoni tal-Kummissjoni u mal-isforzi biex jinħoloq ambjent tan-negozju aktar favorevoli, billi jitħaffu l-piżijiet u l-kostijiet amministrattivi fuq il-kumpaniji. L-inizjattiva tappoġġa wkoll il-mira tal-Kummissjoni fil-Kumpass tal-Kompetittività li tnaqqas il-piż amministrattiv b’mill-inqas 25 % għall-kumpaniji kollha u b’mill-inqas 35 % għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.
Il-Viċi President Eżekuttiv għas-Sovranità Teknoloġika, is-Sigurtà u d-Demokrazija, Henna Virkkunen qalet:
“Jeħtieġ li nagħmlu n-negozju fl-Ewropa aktar faċli mingħajr ma nikkompromettu l-istandards għoljin tagħna ta’ ġustizzja u sikurezza online. Irridu ġabra ta’ regoli favur l-innovazzjoni: kemm fil-mod kif napplikaw ir-regoli, kif ukoll fis-simplifikazzjoni tal-liġijiet fejn l-objettivi tagħna jistgħu jintlaħqu bi spejjeż aktar baxxi u proċeduri simplifikati. Aħna nimmiraw għal inqas burokrazija, inqas duplikazzjonijiet u regoli inqas kumplessi għall-kumpaniji li jagħmlu negozju fl-UE.”
Din is-sejħa għall-evidenza ssegwi l-involviment estensiv tal-partijiet ikkonċernati li kien jinkludi konsultazzjonijiet pubbliċi dwar l-Istrateġija tal-Unjoni tad-Data, ir-reviżjoni tal-Att dwar iċ-Ċibersigurtà, u dwar l-Istrateġija Applika l-IA. Dan huwa l-ewwel pass fis-simplifikazzjoni tal-ġabra ta’ regoli diġitali tal-UE u jibqa’ miftuħ sal-14 ta’ Ottubru 2025.