Filwaqt li EUR 1 miljun ser jiġu allokati biex tissaħħaħ aktar il-pożizzjoni tal-kunsilli tal-media u biex jiġu żviluppati standards ġurnalistiċi, l-EUR 3.1 miljun l-oħra ser jiżguraw li l-UE tkompli tipprovdi mekkaniżmu ta’ rispons rapidu biex tipproteġi lill-ġurnalisti mhedda wara l-2023. Il-mekkaniżmu jinkludi għodod konkreti li jippermettu lill-ġurnalisti fil-mira jwettqu l-attivitajiet professjonali tagħhom.
Il-Viċi President għall-Valuri u t-Trasparenza, Věra Jourová, qalet:
Aħna impenjati li nsaħħu l-mekkaniżmu tagħna ta’ rispons rapidu madwar l-UE kollha biex nipproteġu lill-ġurnalisti. Mill-2020, dan il-mekkaniżmu pprovda b’suċċess assistenza, għajnuna legali, u postijiet ta’ kenn lill-ġurnalisti mhedda. Dan l-aħħar, għen lill-ġurnalisti Ukreni fl-eżilju. Il-mekkaniżmu jimmappja wkoll l-attakki kontra l-ġurnalisti u għalhekk huwa għodda ewlenija għall-monitoraġġ ta’ kif ir-rakkomandazzjonijiet tagħna dwar is-sikurezza tal-ġurnalisti jiġu segwiti fuq il-post. B’EUR 3.1 miljun, baġit akbar minn qatt qabel, se ngħinu saħansitra aktar ġurnalisti u se nkomplu ntejbu l-għodod ta’ monitoraġġ tagħna.
Il-Kummissarju għas-Suq Intern, Thierry Breton, żied:
Il-libertà u l-pluraliżmu tal-media huma valuri ewlenin li fuqhom jinsabu d-demokraziji tagħna u ma jistgħux jitqiesu bħala fatt. L-appoġġ għal mekkaniżmu ta’ rispons rapidu se jippermettilna nipproteġu lill-ġurnalisti tagħna mhedda u nimmonitorjaw il-ksur tal-libertà tal-istampa u tal-media.
L-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-universitajiet, l-istituzzjonijiet edukattivi u ċ-ċentri ta’ riċerka fl-UE u f’ pajjiżi assoċjati inkluż l-Ukrajna jistgħu jippreżentaw il-proposta tagħhom sal-20 ta’ Settembru 2022.
Aktar informazzjoni
- Sejħa: Id-difiża tal-libertà u l-pluraliżmu tal-media — Kunsilli tal-istampa u tal-media
- Sejħa: Id-difiża tal-libertà u l-pluraliżmu tal-media — Mekkaniżmu ta’ rispons rapidu
- Ħarsa ġenerali lejn is-sejħiet miftuħa, proġetti ffinanzjati mill-UE fis-settur tal-media tal-aħbarijiet
- Skeda informattiva (Marzu 2022).