Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
Press release | Pubblikazzjoni

Il-Kummissjoni tniedi l-Forum Ewropew tal-Midja tal-Aħbarijiet bi djalogu dwar is-sikurezza tal-ġurnalisti

Il-Kummissjoni Ewropea nediet djalogu dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti fl-UE ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, inklużi ġurnalisti u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, kumpaniji tal-media tal-aħbarijiet, rappreżentanti tal-kunsilli tal-media, il-Parlament Ewropew, l-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji kif ukoll sħab internazzjonali.

ritratt ta’ ġurnalista mara li taħdem fuq pc

Il-Viċi President għall-Valuri u t-Trasparenza, Věra Jourová, li inawgurat l-avveniment, qalet:

Il-qtil ta’ ġurnalisti investigattivi Daphne Caruana Galizia u Ján Kuciak kellu jkun sinjal ta’ allarm għall-Unjoni Ewropea. It-theddid u l-attakki li qed jiżdiedu kontra l-ġurnalisti huma theddid u attakki kontra d-demokrazija kollha kemm hi. Għall-ewwel darba, il-Kummissjoni qed taħdem fuq inizjattiva ddedikata għas-sikurezza tal-ġurnalisti, li għandha ġġib titjib tanġibbli fil-prattika.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern, Thierry Breton, żied:

Il-libertà tal-media ma tistax titqies bħala fatt, irridu niddefenduha b’mod attiv, b’mod partikolari biż-żieda fir-riskju ta’ attakki online fl-era diġitali. Irridu niżguraw li l-ġurnalisti jkunu jistgħu jaqdu r-rwol kruċjali tagħhom fid-demokraziji tagħna billi niggarantixxu li jaħdmu f’sikurezza sħiħa. Illum qed inniedu djalogu dwar kif nistgħu nżidu l-protezzjoni tagħhom, niffaċilitaw il-kooperazzjoni bejniethom u ngħinuhom jiksbu l-ħiliet diġitali meħtieġa.

Id-djalogu sar sal-25 ta’ Marzu fil-qafas tal-Forum Ewropew tal-Midja tal-Aħbarijiet. Dan huwa pass ċentrali fit-tħejjija tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar l-iżgurar tal-protezzjoni tal-ġurnalisti (online u offline) u l-indirizzar tal-attakki bbażati fuq il-ġeneru u l-minoranzi fl-UE. Ir-rakkomandazzjoni se tiġi adottata aktar tard din is-sena.

Il-Forum u r-Rakkomandazzjoni huma parti minn sett usa’ ta’ azzjonijiet biex jindirizzaw it-theddid għal-libertà u l-pluraliżmu tal-media fl-UE, kif imħabbar fil-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea u għall-ġurnalisti b’mod partikolari, flimkien ma’ inizjattiva biex jitrażżan l-użu abbużiv ta’ kawżi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPPs). Dan huwa marbut ukoll mal-Pjan ta’ Azzjoni biex jiġu appoġġati l-irkupru u t-trasformazzjoni tas-setturi tal-media u awdjoviżivi fl-UE.