Il-konsultazzjoni tfittex li tikseb għarfien dwar il-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati relatati mat-trasformazzjoni diġitali, il-benefiċċji ta’ DIGITAL u t-titjib possibbli. Bħala tali, se tiġbor diversi perspettivi minn intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju sa organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-akkademja, is-sħab soċjali, l-awtoritajiet pubbliċi, u organizzazzjonijiet pubbliċi u privati oħra u ċittadini mill-Istati Membri tal-UE u minn pajjiżi assoċjati.
Il-Kummissjoni mbagħad se tippubblika rapport fil-qosor tas-sejbiet tal-konsultazzjoni u t-tweġibiet mill-partijiet ikkonċernati dwar “Semma’Leħnek”. Il-feedback riċevut se jinforma r-riflessjonijiet dwar titjib possibbli fi ħdan DIGITAL, kif ukoll jgħin biex jiggwida t-tfassil ta’ inizjattivi futuri. Il-konsultazzjoni se tagħlaq fl-20 ta’ Settembru 2024.
Il-Programm Ewropa Diġitali huwa programm ta’ finanzjament tal-UE b’baġit ta’ aktar minn €8.1 biljun, iffukat fuq it-twassil tat-teknoloġija diġitali lin-negozji, liċ-ċittadini u lill-amministrazzjonijiet pubbliċi. Il-Programm Ewropa Diġitali jikkomplementa l-finanzjament disponibbli permezz ta’ programmi oħra tal-UE, bħal Orizzont Ewropa (għar-riċerka u l-innovazzjoni) u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (għall-infrastruttura diġitali), il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Fondi Strutturali, u oħrajn.