Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
  • PRESS RELEASE
  • Pubblikazzjoni 05 Settembru 2024

Il-Kummissjoni tiffirma l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Intelliġenza Artifiċjali

Illum, il-Kummissjoni ffirmat il-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (IA) f’isem l-UE.

Commission signs Council of Europe framework Convention on Artificial Intelligence

iStock GettyImages 1656549827 © Somkid Thongdee

Il-Konvenzjoni hija l-ewwel ftehim internazzjonali legalment vinkolanti dwar l-IA u hija kompletament konformi mal-Att tal-UE dwar l-IA, l-ewwel regolament komprensiv dwar l-IA fid-dinja.  

Il-Konvenzjoni tipprevedi approċċ komuni biex jiġi żgurat li s-sistemi tal-IA jkunu kompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem, mad-demokrazija u mal-istat tad-dritt, filwaqt li tippermetti l-innovazzjoni u l-fiduċja. Dan jinkludi għadd ta’ kunċetti ewlenin mill-Att tal-UE dwar l-IA bħal approċċ ibbażat fuq ir-riskju, trasparenza tul il-katina tal-valur tas-sistemi tal-IA u kontenut iġġenerat mill-IA, obbligi ta’ dokumentazzjoni dettaljati għas-sistemi tal-IA identifikati bħala ta’ riskju għoli, u obbligi ta’ ġestjoni tar-riskju bil-possibbiltà li jiġu introdotti projbizzjonijiet għas-sistemi tal-IA meqjusa bħala theddida ċara għad-drittijiet fundamentali.

L-iffirmar sar fil-konferenza informali tal-Ministri tal-Ġustizzja tal-Kunsill tal-Ewropa f’Vilnjus, il-Litwanja. Il-partijiet fin-negozjati kienu jinkludu l-UE, Stati Membri oħra tal-Kunsill tal-Ewropa, is-Santa Sede, l-Istati Uniti tal-Amerka, il-Kanada, il-Messiku, il-Ġappun, Iżrael, l-Awstralja, l-Arġentina, il-Perù, l-Urugwaj, u l-Costa Rica. Kontribut minn 68 rappreżentant internazzjonali mis-soċjetà ċivili, l-akkademja, l-industrija u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra żguraw ukoll approċċ komprensiv u inklużiv. Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa ffirmata llum hija parti mill-isforzi usa’ tal-UE fl-IA fil-livell internazzjonali, li jinkludu diskussjonijiet fil-G7, fl-OECD, fil-G20 u fin-Nazzjonijiet Uniti.

Il-Konvenzjoni se tiġi implimentata fl-UE permezz tal-Att dwar l-IA, li jipprovdi regoli armonizzati għat-tqegħid fis-suq, l-introduzzjoni, u l-użu ta’ sistemi tal-IA, flimkien ma’ leġiżlazzjonijiet rilevanti oħra tal-UE fejn meħtieġ.  

Wara l-iffirmar, il-Kummissjoni se tħejji proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill biex tikkonkludi l-Konvenzjoni. Il-Parlament Ewropew għandu wkoll jagħti l-kunsens tiegħu.  

Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-konvenzjoni, iżda ċċekkja wkoll it-test tal-Konvenzjoni Qafas sħiħa dwar l-Intelliġenza Artifiċjali .