
L-inizjattiva hija pass importanti fil-protezzjoni tas-settur tal-kura tas-saħħa mit-theddid ċibernetiku. Bit-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ detezzjoni, tħejjija u rispons għat-theddid tal-isptarijiet u tal-fornituri tas-saħħa, dan se joħloq ambjent aktar sikur u sigur għall-pazjenti u għall-professjonisti tas-saħħa.
Id-diġitalizzazzjoni qed iġġib magħha rivoluzzjoni fil-kura tas-saħħa, li tippermetti servizzi aħjar lill-pazjenti permezz ta’ innovazzjonijiet bħar-rekords elettroniċi tas-saħħa, it-telemediċina, u d-dijanjostika xprunata mill-IA. Madankollu, l-attakki ċibernetiċi jistgħu jdewmu l-proċeduri mediċi, joħolqu paraliżi fil-kmamar ta’ emerġenza, u jfixklu s-servizzi vitali li, f’każijiet severi, jista’ jkollhom impatt dirett fuq il-ħajja tal-Ewropej. L-Istati Membri rrapportaw 309 inċidenti sinifikanti taċ-ċibersigurtà li jaffettwaw is-settur tal-kura tas-saħħa fl-2023 – aktar milli fi kwalunkwe settur kritiku ieħor.
Il-pjan ta’ azzjoni jipproponi, fost l-oħrajn, li l-ENISA, l-aġenzija tal-UE għaċ-ċibersigurtà, tistabbilixxi Ċentru ta’ Appoġġ għaċ-Ċibersigurtà pan-Ewropew għall-isptarijiet u l-fornituri tal-kura tas-saħħa, li jipprovdilhom gwida, għodod, servizzi u taħriġ imfassla apposta. L-inizjattiva tibni fuq il-qafas usa’ tal-UE biex issaħħaħ iċ-ċibersigurtà fl-infrastruttura kritika kollha u timmarka l-ewwel inizjattiva speċifika għas-settur li tuża l-firxa sħiħa ta’ miżuri taċ-ċibersigurtà tal-UE.
Aqra l-istqarrija għall-istampa sħiħa
Aqra aktar informazzjoni: