Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
Press release | Pubblikazzjoni

Diżinformazzjoni dwar il-coronavirus: programm ta’ monitoraġġ tal-pjattaformi estiż b’enfasi fuq il-vaċċini

Il-Kummissjoni ppubblikat sett ta’ rapporti dwar azzjonijiet ulterjuri meħuda mill-firmatarji tal-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni dwar il-coronavirus. Dawn juru li l-pjattaformi tejbu l-viżibbiltà tal-kontenut awtorevoli b’miljuni ta’ utenti diretti lejn riżorsi informattivi ddedikati.

evokazzjoni ta’ aħbarijiet foloz

Huma inkludew ukoll politiki fit-termini tas-servizzi tagħhom biex ineħħu d-diżinformazzjoni dwar il-vaċċini, b’mod partikolari l-imblukkar ta’ mijiet ta’ eluf ta’ kontijiet, offerti u sottomissjonijiet ta’ reklamar relatati mal-coronavirus u mal-miżinformazzjoni relatata mat-tilqim u intensifikaw il-ħidma tagħhom mal-verifikaturi tal-fatti biex il-kontenut ivverifikat tal-fatti dwar it-tilqim isir aktar prominenti. Dan il-lott ta’ rapporti jimmarka t-tmiem tal-perjodu inizjali ta’ rappurtar ta’ 6-il xahar. Minħabba r-rilevanza ta’ dan ir-rappurtar fil-kuntest epidemjoloġiku attwali, il-programm se jkompli għas-6-il xahar li ġejjin. Il-Kummissjoni talbet ukoll lill-pjattaformi online biex jipprovdu aktar data dwar l-evoluzzjoni tat-tixrid tad-diżinformazzjoni matul il-kriżi tal-coronavirus u dwar l-impatt granulari tal-azzjonijiet tagħhom fil-livell tal-pajjiżi tal-UE. 

Věra Jourová, il-Viċi President għall-Valuri u t-Trasparenza, qalet:

Il-pandemija saret art li tnissel dikjarazzjonijiet foloz u teoriji ta’ kospirazzjoni u pjattaformi huma amplifikaturi importanti ta’ dan it-tip ta’ messaġġi. Irridu nkomplu naħdmu flimkien biex intejbu l-ġlieda tagħna bid-diżinformazzjoni, iżda neħtieġu aktar trasparenza u sforz aħjar mill-pjattaformi online. L-estensjoni tal-programm ta’ monitoraġġ hija lezzjoni siewja fil-ħidma tagħna biex nirristrutturaw il-Kodiċi ta’ Prattika kontra d-Diżinformazzjoni.

Thierry Breton, il-Kummissarju għas-Suq Intern, qal:

Il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat ir-rwol li jaqdu l-pjattaformi fis-soċjetà, li jġib miegħu responsabbiltajiet korrispondenti. Jeħtieġ li jittieħdu passi sostanzjali biex jiġi evitat li d-diżinformazzjoni tfixkel l-isforzi komuni tal-pajjiżi kollha tal-UE fir-rigward tat-tilqim. Il-pjattaformi jridu jsiru aktar trasparenti, inkluż dwar l-effettività tal-miżuri meħuda.

Dan il-programm ta’ rappurtar ta’ kull xahar inħoloq taħt il-Komunikazzjoni Konġunta tal-10 ta’ Ġunju 2020 biex tiġi żgurata r-responsabbiltà lejn il-pubbliku tal-isforzi li saru mill-pjattaformi u l-assoċjazzjonijiet tal-industrija rilevanti biex jillimitaw id-diżinformazzjoni online relatata mal-coronavirus. Ir-rapporti tal-lum jiffukaw fuq l-azzjonijiet li ttieħdu f’Diċembru 2020 minn Facebook, Google, Microsoft, Twitter u TikTok.