Din is-sessjoni kienet ikkaratterizzata bit-tnedija ta’ ċentru ddedikat għad-donazzjonijiet tat-teknoloġija għall-Ukrajna. Barra minn hekk, il-Ministri mill-Istati Membri ffirmaw dikjarazzjoni dwar it-tranżizzjoni klimatika biex titnaqqas l-impronta ambjentali tas-settur diġitali, u ddiskutew azzjonijiet konkreti biex jissaħħaħ ir-rwol ewlieni tal-UE f’teknoloġiji immersivi. L-Istati Membri qablu li jaġixxu flimkien f’dawn iż-żewġ oqsma kruċjali u jitolbu l-appoġġ tal-Kummissjoni biex jiġu ddefiniti miri speċifiċi għas-settur tal-ICT fit-tranżizzjoni ekoloġika u jiġu żviluppati teknoloġiji immersivi f’konformità mal-valuri fundamentali Ewropej. L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Assemblea Diġitali kienet iddedikata wkoll għall-miri tal-2030 deskritti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-Deċennju Diġitali, inkluż dwar il-ħiliet diġitali, l-infrastrutturi diġitali, il-katina tal-valur diġitali, u t-trasformazzjoni diġitali. Pereżempju ttieħdu suġġerimenti għal azzjonijiet biex tintlaħaq il-mira għall-ħiliet, b’mod partikolari dwar kif jistgħu jintlaħqu 20 miljun speċjalist tal-ICT sal-2030, dwar il-konverġenza bejn il-ġeneri, u dwar iż-żieda fl-għadd ta’ esperti settorjali li jużaw teknoloġiji diġitali avvanzati. Aktar informazzjoni hija disponibbli f’din l-istqarrija konġunta għall-istampa mill-Kummissjoni Ewropea u l-Presidenza Franċiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.