
iStock photo Getty images plus
Issa li jkopru l-pajjiżi kollha tal-UE, iċ-ċentri l-ġodda se jkunu operattivi mill-bidu tas-sena d-dieħla u jikkomplementaw it-tmien ċentri attwali diġà fis-seħħ mill-2021. Huma ser jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ komunità multidixxiplinari biex jinħoloq network li kapaċi jidentifika u janalizza kampanji ta’ diżinformazzjoni, jorganizza attivitajiet ta’ litteriżmu medjatiku fil-livell nazzjonali jew multinazzjonali u attivitajiet oħra li jappoġġaw il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni.
Il-Viċi President għall-Valuri u t-Trasparenza, Věra Jourová qalet: “L-iżgurar tat-trasparenza, is-sensibilizzazzjoni u l-verifika tal-fatti huma fost l-aktar għodod importanti li għandna fit-tneħħija tad-diżinformazzjoni online. Qed niżguraw li dan isir b’mod effiċjenti u li r-riżultati jkunu disponibbli għal kull Ewropew. Se nkomplu nibnu fuq l-għarfien espert tal-Osservatorju Ewropew tal-Media Diġitali fil-kuntest tal-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni. Dan se jsaħħaħ ukoll l-isforzi biex tiġi miġġielda l-propaganda tal-gwerra tar-Russja f’kull pajjiż tal-UE u fil-lingwi kollha.”
Thierry Breton, il-Kummissarju għas-Suq Intern, qal:
Fl-UE, qed insaħħu l-azzjonijiet tagħna kontra d-diżinformazzjoni u l-kontribut tal-EDMOs f’dan ir-rigward huwa importanti. L-att il-ġdid dwar is-Servizzi Diġitali — l-element ċentrali tal-UE biex l-ispazju online jsir aktar sikur li għadu kif daħal fis-seħħ — se jpoġġi l-ġlieda tagħna kontra d-diżinformazzjoni f’livell ġdid.
Is-sitt proposti magħżula minn bord ta’ esperti indipendenti se jibbenefikaw minn finanzjament tal-UE (madwar EUR 8 miljun b’mod ġenerali) mill-Programm Ewropa Diġitali. Iċ-ċentri nazzjonali u reġjonali l-ġodda se jkopru pajjiż wieħed jew aktar: L-Awstrija, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, l-Estonja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, ir-Rumanija u s-Slovenja.