Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
Press release | Pubblikazzjoni

Tibda l-Ġimgħa Ewropea tal-Ikkowdjar 2024 biex tħeġġeġ liż-żgħażagħ jiksbu ħiliet fl-ikkowdjar u diġitali

It-12-il edizzjoni tal-Ġimgħa Ewropea tal-Ikkowdjar bdiet b’avveniment ta’ tnedija ibrida.

Dan l-avveniment jgħaqqad il-komunità tal-Ġimgħa tal-Ikkowdjar mill-Ewropa kollha u juri l-isforzi li għaddejjin biex jiġu promossi l-ħiliet u l-karrieri diġitali fit-teknoloġija b’sessjonijiet dwar stejjer ta’ ispirazzjoni ta’ nisa fit-teknoloġija u l-edukazzjoni diġitali.  

Il-Ġimgħa Ewropea tal-Ikkowdjar ta’ din is-sena se ssir mill-14 sas-27 ta’ Ottubru. Kulħadd jista’ jieħu sehem billi jorganizza jew jingħaqad ma’ attivitajiet ta’ kodifikazzjoni. Tpoġġew għad-dispożizzjoni materjali f’29 lingwa biex jappoġġaw lill-organizzaturi tal-attivitajiet, bħall-għalliema, u mappa interattiva turi l-attivitajiet kollha li qed jiġu organizzati skont iż-żona.

Billi l-attivitajiet tal-ikkowdjar jinġiebu fil-klassijiet, il-Ġimgħa Ewropea tal-Ikkowdjar tfittex li tħeġġeġ liż-żgħażagħ jibdew jikkowdjaw u jsegwu karriera fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM).

Margrethe Vestager, il-Viċi President Eżekuttiv għal Ewropa Lesta għall-Era Diġitali qalet:

“Billi jitgħallmu jikkowdjaw, iż-żgħażagħ Ewropej jistgħu jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħhom u jsiru l-innovaturi, l-imprendituri, u l-mexxejja ta’ għada. Il-Ġimgħa Ewropea tal-Ikkowdjar ta’ din is-sena hija opportunità fantastika għalihom biex jibdew, u nħeġġeġ lil kulħadd biex jingħaqad u jiskopri d-dinja eċċitanti tal-ikkowdjar u tal-ħiliet diġitali.”

Il-Ġimgħa Ewropea tal-Ikkowdjar hija parti minn firxa wiesgħa ta’ inizjattivi li l-Kummissjoni Ewropea tappoġġa biex tnaqqas id-diskrepanza fil-ħiliet għat-talent diġitali u tippromwovi ħiliet diġitali bażiċi fil-popolazzjoni. Ir-Rapport dwar l-istat tad-Deċennju Diġitali 2024 juri li għad fadal xogħol sinifikanti xi jsir biex jintlaħqu l-miri tal-2030 dwar il-ħiliet diġitali. Bir-rata attwali sal-2030, l-Ewropa se jkollha biss 59,8 % ta’ dawk li għandhom bejn is-16 u l-74 sena b’ħiliet diġitali bażiċi, u mhux se tilħaq il-mira ta’ 80 % u l-għadd ta’ speċjalisti tal-ICT se jilħaq biss 12-il miljun, ferm inqas mill-mira ta’ 20 miljun.

Aktar informazzjoni dwar il-Ġimgħa Ewropea tal-Ikkowdjar.