Huma ngħaqdu ma' 17-il kumpanija diġitali li diġà huma parti mill-Forum, flimkien mal-istati membri, l-istituzzjonijiet tal-UE, l-aġenziji tal-UE, il-Forum Globali tal-Internet dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu u ċ-Ċentru tan-NU għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu. Bħala tali, dawn se jikkontribwixxu b’mod attiv biex jiġu indirizzati l-isfidi ppreżentati mill-preżenza ta’ kontenut dannuż u illegali online.
Huwa essenzjali li l-Internet jinżamm ħieles minn kontenut illegali u ta' ħsara fil-ġlieda kontra t-terroristi, il-gruppi kriminali, dawk li jabbużaw mit-tfal u gruppi oħra involuti f'attivitajiet malizzjużi u illeċiti. Matul dan il-mandat, il-Kummissjoni implimentat l-istrateġija tal-Unjoni tas-Sigurtà, il-programm tagħha kontra t-terroriżmu u l-istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Dan ippermetta li jittieħdu miżuri konkreti biex jiġi miġġieled it-terroriżmu fil-forom kollha tiegħu, kemm online kif ukoll offline. B'mod partikolari, il-Kummissjoni ħadmet għal Internet aktar sikur u adottat għadd ta' inizjattivi f'dan il-qasam, inkluż ir-Regolament dwar il-Kontenut Terroristiku Online. Il-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi diġitali tirrikjedi li l-pjattaformi jistabbilixxu miżuri biex jiġġieldu d-distribuzzjoni ta’ kontenut illegali online. Il-Kummissjoni nediet diversi proċedimenti formali skont il-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi diġitali, b’mod partikolari kontra X u Meta, marbuta ma’ tħassib dwar il-kontenut illegali.
Il-Kummissjoni tkompli taħdem man-negozji diġitali fil-Forum tal-UE dwar l-Internet biex tiġġieled l-użu ħażin tal-internet minn estremisti vjolenti u terroristi. Il-Forum tal-UE dwar l-Internet, imniedi mill-Kummissjoni f’Diċembru 2015, jiġġieled l-użu ħażin tal-internet għal skopijiet terroristiċi u estremisti vjolenti, għall-abbuż sesswali tat-tfal online, it-traffikar tad-drogi u t-traffikar tal-bnedmin online.
L-EUIF kien strumentali fl-iżvilupp ta’ linji gwida u għodod konkreti, u mexxa ’l quddiem diversi inizjattivi biex jiġi miġġieled il-kontenut dannuż u illegali online.
Aqra aktar dwar is-superviżjoni tal-pjattaformi online u l-magni tat-tiftix kbar ħafna ddeżinjati.