Il-miżuri, li ilhom fis-seħħ minn Mejju 2019, jgħinu liċ-ċittadini fl-UE jibqgħu f’kuntatt aktar faċli mal-familja u l-ħbieb tagħhom li jinsabu barra minn pajjiżhom fl-UE, u b’hekk jikkontribwixxu għall-kisba ta’ suq uniku Ewropew effettiv. Skont l-istħarriġ, il-konsumaturi jibbenefikaw bħala medja mill-prezzijiet li tbaxxew b’aktar minn 60 %. Barra minn hekk, 27 % tal-konsumaturi tal-UE jikkomunikaw ma’ nies f’pajjiżi oħra tal-UE mill-inqas diversi drabi fix-xahar bl-użu ta’ telefonati, messaġġi testwali jew l-internet, u li għalihom ir-regoli xorta jservu bħala protezzjoni kontra prezzijiet eċċessivi
Il-Kummissjoni vvalutat l-impatt tal-miżuri fuq is-sejħiet intra-UE abbażi ta’ monitoraġġ kontinwu tal-implimentazzjoni tar-regoli u fuq skambji mal-partijiet ikkonċernati, kif ukoll qieset l-Opinjoni tal-BEREC dwar ir-regolamentazzjoni tal-komunikazzjonijiet intra-UE. Il-Kummissjoni se tkompli tiġbor informazzjoni biex tanalizza l-użu u l-evoluzzjoni tal-miżuri.
Valutazzjoni ulterjuri se ssegwi l-analiżi tar-riżultati tal-konsultazzjoni esploratorja dwar il- “Futur tas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-infrastruttura tiegħu”, li hija miftuħa sad-19 ta’ Mejju 2023. Il-valutazzjoni ġenerali se tikkontribwixxi biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-passi li jmiss.