
L-effetti pożittivi li s-superkompjuters għandhom fuq is-soċjetà diġà jistgħu jidhru f’diversi oqsma, bħal fil-ġlieda kontra l-mard ewlieni, inkluż il-kanċer, il-coronavirus u ħafna infezzjonijiet virali oħra, jew fl-appoġġ għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-Patt Ekoloġiku Ewropew, billi jassistu fl-ippjanar urban u rurali, fil-ġestjoni tal-iskart u tal-ilma u fil-kontroll tad-degradazzjoni ambjentali.
Pereżempju, bil-konsorzju ffinanzjat mill-UE, is-supercomputers Exscalate4CoV qed jgħinu lix-xjenzati jsibu trattament effettiv għall-pazjenti bil-COVID-19. Eżempju ieħor huwa l-inizjattiva tal-UE Destinazzjoni d-Dinja li għandha l-għan li tiżviluppa mudell diġitali ta’ preċiżjoni għolja ħafna tad-Dinja, li jista’ jtejjeb it-tbassir tat-temp, il-ġestjoni tal-ilma, u l-immudellar ambjentali.
Il-Viċi President Eżekuttiv għal Ewropa Lesta għall-Era Diġitali, Margrethe Vestager, qalet:
Is-supercomputing jiżgura soluzzjonijiet innovattivi għall-problemi tal-ħajja tagħna ta’ kuljum. Bl-akkwist tas-superkompjuter LUMI fil-Finlandja, inwittu t-triq biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Ewropej, u nagħtu spinta wkoll lill-kompetittività industrijali, u navvanzaw ix-xjenza. Dan huwa essenzjali għall-futur diġitali tagħna.
Is-superkompjuter LUMI se jkun jinsab fil-Finlandja u ospitat mill-Konsorzju LUMI, li fih qed jipparteċipaw diversi pajjiżi Ewropej. Wara t-tħabbira tas-supercomputer ta’ LEONARDO fl-Italja fil-15 ta’ Ottubru, u tliet supercomputers oħra fiċ-Ċekja , fil-Lussemburgu, u fis-Slovenja, din timmarka l-aħħar żieda mal-familja tas-supercomputers mill-Impriża Konġunta Ewropea għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja, minn Settembru. L-Impriża Konġunta qed tippjana li takkwista aktar superkompjuters fil-Bulgarija, fi Spanja u fil-Portugall qabel tmiem l-2020. Il-proposta tal-Kummissjoni f’Settembru se tippermetti investiment addizzjonali ta’ EUR 8 biljun fil-ġenerazzjoni li jmiss ta’ superkompjuters.
Aktar informazzjoni
- LUMI: supercomputer ġdid ta' klassi dinjija tal-EuroHPC fil-Finlandja (stqarrija għall-istampa tal-Impriża Konġunta EuroHPC)
- Impriża Konġunta EuroHPC