B’baġit ippjanat ta’ EUR 258 miljun, is-sejħiet għandhom l-għan li jtejbu l-infrastrutturi tal-konnettività diġitali, b’mod partikolari n-networks Gigabit u 5G, madwar l-Unjoni, u jikkontribwixxu għat-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa.
Il-Kummissjoni se tikkofinanzja azzjonijiet li għandhom l-għan li jgħammru r-rotot tat-trasport ewlenin tal-Ewropa u l-fornituri ta’ servizzi ewlenin fil-komunitajiet lokali b’konnettività 5G, kif ukoll azzjonijiet biex jiġu varati jew aġġornati n-networks ċentrali bbażati fuq teknoloġiji avvanzati.
Is-sejħiet se jiffukaw ukoll fuq l-infrastruttura li tgħaqqad is-servizzi federati tal-cloud, l-infrastrutturi ċentrali għal gateways diġitali globali, bħal kejbils sottomarini, kif ukoll azzjonijiet preparatorji biex jiġu stabbiliti pjattaformi diġitali operazzjonali għall-infrastrutturi tat-trasport u tal-enerġija madwar l-UE. Dan isegwi l-adozzjoni tal-ewwel Programm ta’ Ħidma għall-FNE Diġitali f’Diċembru 2021 li alloka aktar minn EUR 1 biljun f’finanzjament għall-perjodu 2021–2023.
Is-sejħiet diġitali tal-FNE huma prinċipalment miftuħa għal entitajiet, inklużi impriżi konġunti, stabbiliti fl-Istati Membri u f’pajjiżi jew territorji extra-Ewropej. L-applikanti interessati jistgħu jsiru jafu aktar dwar l-applikazzjoni, l-evalwazzjoni u l-proċessi tal-għoti fil-jum ta’ informazzjoni online li se jsir fid-19 ta’ Jannar. It-tieni ġenerazzjoni tal-fergħa “Diġitali” tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (il-programm FNE-2) (2021–2027) tibni fuq dik preċedenti, li appoġġat l-infrastrutturi u s-servizzi diġitali transfruntiera, kif ukoll l-aċċess għall-internet bla ħlas għall-komunitajiet lokali permezz tal-inizjattiva WiFi4EU mill-2014–2020.