
iStock photo Getty Images plus
Il-kundizzjonijiet marbuta mal-użu tal-ispettru tar-radju u mal-proċeduri biex jingħataw, jittawlu, jiġġeddu jew jiġu revokati d-drittijiet huma soġġetti għar-regoli tal-UE dwar it-telekomunikazzjoni, stabbiliti fil-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (id-Direttiva (UE) 2018/1972). Elementi ewlenin ta’ dawn ir-regoli huma l-prinċipji tal-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni. Il-Kummissjoni temmen li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Media Ungeriża li jirrifjuta t-tiġdid tad-drittijiet ta’ Klubradio kienu sproporzjonati u mhux trasparenti u allura jiksru l-liġi tal-UE. Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-liġi nazzjonali tal-media Ungeriża kienet applikata b’mod diskriminatorju f’dan il-każ partikolari. Il-Kummissjoni bdiet proċedura ta’ ksur billi bagħtet ittra ta’ intimazzjoni fid-9 ta’ Ġunju 2021 lill-awtoritajiet Ungeriżi, u t-tweġiba mibgħuta mill-awtoritajiet Ungeriżi ma majnitx it-tħassib li qajmet il-Kummissjoni. Jekk l-Ungerija ma ġġibx id-deċiżjoni tagħha konformi mar-regoli tal-UE dwar it-telekomunikazzjoni fi żmien 2 xhur, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.