Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
News article | Pubblikazzjoni

Libertà tal-istampa: Il-Kummissjoni tniedi proċedura ta’ ksur kontra l-Ungerija talli naqset milli tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi

Din il-ġimgħa l-Kummissjoni nediet proċedura ta’ ksur kontra l-Ungerija, wara d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Media Ungeriż li jirrifjuta l-applikazzjoni ta’ Klubradio dwar l-użu tal-ispettru tar-radju għal raġunijiet dubjużi ħafna.

photo of a radio microphone

iStock photos Getty Images plus

Il-kundizzjonijiet marbuta mal-użu tal-ispettru tar-radju u mal-proċeduri biex jingħataw, jittawlu, jiġġeddu jew jiġu revokati d-drittijiet huma soġġetti għar-regoli tal-UE dwar it-telekomunikazzjoni, stabbiliti fil-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (id-Direttiva (UE) 2018/1972). Elementi ewlenin ta’ dawn ir-regoli huma l-prinċipji tal-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni.

Il-Kummissjoni temmen li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Media Ungeriża li jirrifjuta t-tiġdid tad-drittijiet ta’ Klubradio kienu sproporzjonati u mhux trasparenti u allura jiksru l-liġi tal-UE. Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-liġi nazzjonali tal-media Ungeriża kienet applikata b’mod diskriminatorju f’dan il-każ partikolari. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta’ intimazzjoni lill-Ungerija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb għall-argumenti mqajma mill-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta’ risposta sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tgħaddi għall-passi li jmiss fil-proċedura ta’ ksur, u tibgħat opinjoni motivata.