
iStock photo Getty Images plus
Il-Viċi President għall-Valuri u t-Trasparenza, Věra Jourová, indirizzat lill-Parlament Ewropew u qalet:
Din is-sena nixtieq nagħti ġieħ b’mod partikolari lill-ġurnalisti li jinsabu fuq quddiem nett fl-Ukrajna. Huma jinfurmawna bir-riskju ta’ ħajjithom. Huma juruna dak li r-Russja ma tridx li naraw. L-ewwel prijorità tagħna hija s-sikurezza tagħhom. Fl-istess ħin, qed insaħħu l-azzjoni tagħna fl-UE, b’leġiżlazzjoni ġdida kontra l-litigazzjoni abbużiva kontra l-ġurnalisti ppreżentata l-ġimgħa li għaddiet, u l-Att dwar il-Libertà tal-Media qed jitfassal.
(ara wkoll il-messaġġ bil-vidjotagħha).
Il-Kummissarju għas-Suq Intern, Thierry Breton, żied:
L-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna fakkritna li l-libertà u l-pluraliżmu tal-media, li jipproteġu d-demokraziji tagħna, ma jistgħux jitqiesu bħala fatt. Ser inkomplu nappoġġaw l-industrija tal-media tagħna, nipproteġu lill-ġurnalisti tagħna mhedda, u niġġieldu bla heda għall-istampa ħielsa u indipendenti tagħna. Bl-Att dwar il-Libertà tal-Media li jmiss, se nrawmu suq tal-media reżiljenti, li jipprovdi informazzjoni diversa u affidabbli liċ-ċittadini.
Ir-rappreżentant Għoli/il-Viċi President Josep Borrell ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-UE. Fl-2020, għall-ewwel darba, il-Kummissjoni ppreżentat approċċ Ewropew komprensiv għall-media li jibni fuq il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea u l-Pjan ta’ Azzjoni Medjatiku u Awdjoviżiv (MAAP), li għandu l-għan li jagħti spinta lill-media Ewropea u jgħin biex tinżamm l-awtonomija kulturali u teknoloġika Ewropea fid-Deċennju Diġitali.
Il-ġimgħa li għaddiet, il-Kummissjoni adottat pakkett biex tindirizza l-Kawżi Strateġiċi Kontra l-Parteċipazzjoni Pubblika (SLAPPs), li jipprovdi lill-ġurnalisti u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem b’għodod biex jiġġieldu kontra proċedimenti abbużivi tal-qorti. Dan il-pakkett jikkomplementa r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sikurezza tal-ġurnalisti, jistabbilixxi azzjonijiet bħall-ħolqien ta’ servizzi nazzjonali indipendenti ta’ appoġġ, inklużi linji telefoniċi għall-għajnuna, pariri legali, appoġġ psikoloġiku u postijiet ta’ kenn u miżuri biex tiġi żgurata s-sikurezza tagħhom online.
Aktar tard din is-sena, il-Kummissjoni se tadotta wkoll l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media, li se jistabbilixxi għall-ewwel darba fil-liġi tal-UE salvagwardji biex jiġu protetti l-pluraliżmu tal-media u l-indipendenza editorjali tal-media. Il-pluraliżmu tal-media huwa wieħed mill-elementi ewlenin tar-Rapport annwali dwar l-Istat tad-Dritt u, f’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tkompli timmonitorja s-sitwazzjoni fl-Istati Membri kollha tal-UE.
Il-Kummissjoni tkompli wkoll tipprovdi appoġġ finanzjarju biex trawwem il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja.