Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
Press release | Pubblikazzjoni

Jibdew japplikaw regoli ġodda dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku

Għada, is-17 ta’ Lulju 2021, se jimmarka l-iskadenza għall-Istati Membri biex jittrasponu d-Direttiva riveduta dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku fil-liġi nazzjonali. Ir-regoli aġġornati se jistimulaw l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi bħall-apps tal-mobbiltà, iżidu t-trasparenza billi jiftħu l-aċċess għal data tar-riċerka ffinanzjata pubblikament, u jappoġġaw teknoloġiji ġodda, inkluża l-intelliġenza artifiċjali.

Data warping into safe box - 3D Rendering

iStock photo Getty Images plus

Margrethe Vestager, il-Viċi President Eżekuttiv għal Ewropa Lesta għall-Era Diġitali, qalet: 

Bl-istrateġija tagħna għad-Data, qed niddefinixxu approċċ Ewropew biex jiġu sfruttati l-benefiċċji tad-data. Id-Direttiva l-ġdida hija essenzjali biex il-ġabra vasta u ta’ valur ta’ riżorsi prodotti minn korpi pubbliċi tkun disponibbli għall-użu mill-ġdid. Riżorsi li diġà tħallsu mill-kontribwent. Għalhekk is-soċjetà u l-ekonomija jistgħu jibbenefikaw minn aktar trasparenza fis-settur pubbliku u prodotti innovattivi.

Thierry Breton, il-Kummissarju għas-Suq Intern, qal:

Dawn ir-regoli dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku se jippermettulna negħlbu l-ostakli li jipprevjenu l-użu mill-ġdid sħiħ tad-data tas-settur pubbliku, b’mod partikolari għall-SMEs. Il-valur ekonomiku dirett totali ta’ din id-data huwa mistenni li jiżdied b’erba’ darbiet minn EUR 52 biljun fl-2018 għall-Istati Membri tal-UE u r-Renju Unit għal EUR 194 biljun fl-2030. Iż-żieda fl-opportunitajiet ta’ negozju se tkun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini kollha tal-UE bis-saħħa ta’ servizzi ġodda.

Is-settur pubbliku jipproduċi, jiġbor u jxerred data f’ħafna oqsma, pereżempju data ġeografika, legali, meteoroloġika, politika u edukattiva. Ir-regoli l-ġodda, adottati f’Ġunju 2019, jiżguraw li aktar minn din l-informazzjoni tas-settur pubbliku tkun faċilment disponibbli għall-użu mill-ġdid, u b’hekk tiġġenera valur għall-ekonomija u s-soċjetà. Dawn jirriżultaw minn reviżjoni tad-Direttiva preċedenti dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (id-Direttiva PSI). Ir-regoli l-ġodda se jaġġornaw il-qafas leġiżlattiv mal-avvanzi reċenti fit-teknoloġiji diġitali u jkomplu jistimulaw l-innovazzjoni diġitali.

Aktar informazzjoni