Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
Press release | Pubblikazzjoni

Alleanzi industrijali: Il-Kummissarju Breton jippresiedi l-ewwel laqgħa tal-Alleanza Ewropea għad-Data Industrijali, Edge u Cloud

Fl-14 ta’ Diċembru, id-disgħa u tletin ikkonfermaw l-ewwel membri tal-Alleanza Ewropea għad-Data Industrijali, l-Edge u l-Cloud li ltaqgħu għall-ewwel darba f’avveniment ta’ tnedija ospitat mill-Kummissjoni.

evocation of the concept of cloud

GettyImages

Din il-laqgħa tniedi formalment il-bidu tal-ħidma operazzjonali tal-Alleanza.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern Thierry Breton qal qabel il-laqgħa:

Id-data se tittrasforma l-mod kif nipproduċu, nikkunsmaw u ngħixu. U l-Ewropa għandha kull ma hemm bżonn biex tmexxi l-ekonomija tal- “big data”. Bl-Alleanza Ewropea għad-Data Industrijali, l-Edge u l-Cloud, il-kumpaniji se jiddefinixxu pjan direzzjonali ambizzjuż ta’ investiment biex jiżviluppaw u jimplimentaw teknoloġiji tal-informatika tal-ġenerazzjoni li jmiss. B’soluzzjonijiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija, siguri ħafna u interoperabbli, se nippermettu l-adozzjoni ta’ teknoloġiji diġitali ġodda, nipprovdu lin-negozji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi b’qafas affidabbli biex jipproċessaw id-data, u nsaħħu l-pożizzjoni tal-industrija tal-UE.

Il-kompitu ewlieni tal-Alleanza se jkun li tlaqqa’ flimkien firxa wiesgħa ta’ atturi industrijali li huma lesti jaħdmu flimkien biex isaħħu l-pożizzjoni tal-UE dwar il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ teknoloġiji cloud u edge. L-Alleanza se taqdi l-ħtiġijiet speċifiċi taċ-ċittadini, tan-negozji u tas-settur pubbliku tal-UE biex jipproċessaw data sensittiva ħafna b’mod sigur. Se tiddefinixxi pjanijiet biex jiġu żviluppati t-teknoloġiji meħtieġa għas-sovranità diġitali tal-Ewropa. Se jipprovdi wkoll pjattaforma strateġika biex titrawwem il-kompetittività tal-industrija tal-UE fit-teknoloġiji cloud u edge.

F’Lulju 2021, il-Kummissjoni nediet sejħa għal Applikazzjonijiet biex jingħaqdu mal-Alleanza. L-organizzazzjonijiet kollha interessati u eliġibbli għadhom mistiedna japplikaw.

L-Alleanza toħroġ mill-Istrateġija Ewropea għad-Data u ġiet appoġġata mis-27 Stat Membru kollha tal-UE fid-Dikjarazzjoni dwar il-Cloud Ewropew minn Ottubru 2020.