Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
Press release | Pubblikazzjoni

Il-Kummissjoni tniedi sejħa ta’ EUR 4.1 miljun biex timmonitorja u tiddefendi l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja

Il-Kummissjoni ppubblikat sejħa ta’ EUR 4.1 miljun biex timmonitorja u tiddefendi l-libertà u l-pluraliżmu tal-media, iffinanzjata permezz ta’ Ewropa Kreattiva.

photo of a journalist taking notes and holding 2 microphones

iStock photo Getty images plus

Filwaqt li EUR 1 miljun ser jiġu allokati biex tissaħħaħ aktar il-pożizzjoni tal-kunsilli tal-media u biex jiġu żviluppati standards ġurnalistiċi, l-EUR 3.1 miljun l-oħra ser jiżguraw li l-UE tkompli tipprovdi mekkaniżmu ta’ rispons rapidu biex tipproteġi lill-ġurnalisti mhedda wara l-2023. Il-mekkaniżmu jinkludi għodod konkreti li jippermettu lill-ġurnalisti fil-mira jwettqu l-attivitajiet professjonali tagħhom.

Il-Viċi President għall-Valuri u t-Trasparenza, Věra Jourová, qalet:

Aħna impenjati li nsaħħu l-mekkaniżmu tagħna ta’ rispons rapidu madwar l-UE kollha biex nipproteġu lill-ġurnalisti. Mill-2020, dan il-mekkaniżmu pprovda b’suċċess assistenza, għajnuna legali, u postijiet ta’ kenn lill-ġurnalisti mhedda. Dan l-aħħar, għen lill-ġurnalisti Ukreni fl-eżilju. Il-mekkaniżmu jimmappja wkoll l-attakki kontra l-ġurnalisti u għalhekk huwa għodda ewlenija għall-monitoraġġ ta’ kif ir-rakkomandazzjonijiet tagħna dwar is-sikurezza tal-ġurnalisti jiġu segwiti fuq il-post. B’EUR 3.1 miljun, baġit akbar minn qatt qabel, se ngħinu saħansitra aktar ġurnalisti u se nkomplu ntejbu l-għodod ta’ monitoraġġ tagħna.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern, Thierry Breton, żied:

Il-libertà u l-pluraliżmu tal-media huma valuri ewlenin li fuqhom jinsabu d-demokraziji tagħna u ma jistgħux jitqiesu bħala fatt. L-appoġġ għal mekkaniżmu ta’ rispons rapidu se jippermettilna nipproteġu lill-ġurnalisti tagħna mhedda u nimmonitorjaw il-ksur tal-libertà tal-istampa u tal-media.

L-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-universitajiet, l-istituzzjonijiet edukattivi u ċ-ċentri ta’ riċerka fl-UE u f’ pajjiżi assoċjati inkluż l-Ukrajna jistgħu jippreżentaw il-proposta tagħhom sal-20 ta’ Settembru 2022.

Aktar informazzjoni