Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
Press release | Pubblikazzjoni

EUR 2 miljun għall-immappjar tad-deżerti tal-aħbarijiet fl-Ewropa u l-għoti ta’ għotjiet lill-midja lokali, reġjonali u komunitarja

Il-Kummissjoni ffirmat ftehim ta’ għotja ta’ EUR 2 miljun ma’ konsorzju ta’ organizzazzjonijiet biex tappoġġa lill-midja lokali u tindirizza l-emerġenza ta’ deżerti tal-aħbarijiet, jiġifieri dawk iż-żoni ġeografiċi jew il-komunitajiet li ftit li xejn għandhom mezzi tal-aħbarijiet li jservu lilhom b’aħbarijiet rilevanti u indipendenti.

photo of a camera with microphone and desk with laptops and screens in the background

iStock photo Getty images plus

Dan il-proġett il-ġdid se jgħin biex jixħet dawl fuq dawn l-oqsma u jidentifika dawk l-aktar f’riskju madwar l-Ewropa. Għandu jiġi ffinalizzat immappjar komprensiv sa tmiem l-2023 bl-għan li tiżdied il-bażi tal-għarfien tal-organizzazzjonijiet u tal-partijiet ikkonċernati attivi fil-qasam. Barra minn hekk, il-proġett se joffri EUR 1.2 miljun f’għotjiet lill-midja lokali, reġjonali u komunitarja, sabiex jgħin lill-istabbilimenti jinnovaw u jsiru aktar reżiljenti.

Il-Viċi President għall-Valuri u t-Trasparenza, Věra Jourová, qalet:

Ħafna komunitajiet m’għadhomx moqdija b’informazzjoni indipendenti li tkopri suġġetti ta’ interess dirett għalihom, bħall-politika lokali, avvenimenti komunitarji jew servizzi pubbliċi. Dan il-proġett se jiġġenera data kruċjali dwar il-kwistjoni tad-deżerti tal-aħbarijiet u jidentifika soluzzjonijiet prattiċi u jappoġġa direttament lill-midja lokali b’għotjiet.

Thierry Breton, il-Kummissarju għas-Suq Intern, qal: 

Biex ikollhom aċċess għal pluralità ta’ vuċijiet u sorsi affidabbli ta’ informazzjoni, l-Ewropej jeħtieġu midja lokali u reġjonali. Dan il-proġett se jtejjeb ir-reżiljenza tagħhom u jappoġġa mudelli ta’ negozju innovattivi għall-media lokali tagħna biex jibqgħu rilevanti fit-territorji tagħhom.

Il-midja lokali u reġjonali li tinsab f’deżerti tal-aħbarijiet identifikati se tkun tista’ tapplika għal għotjiet madwar Marzu u Lulju 2023. Dan il-proġett huwa parti minn approċċ usa’ tal-Kummissjoni biex tagħti spinta lill-midja Ewropea u tgħin biex tinżamm l-awtonomija kulturali u teknoloġika Ewropea, kif stabbilit fil-Pjan ta’ Azzjoni Medjatiku u Awdjoviżiv (MAAP) u d-Deċennju Diġitali.

Aktar informazzjoni dwar il-proġett