Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
News article | Pubblikazzjoni

L-esperti jgħidu li d-data miżmuma privatament disponibbli fl-Unjoni Ewropea għandha tintuża aħjar u aktar

Id-data tista’ ssolvi l-problemi minn konġestjonijiet tat-traffiku għal għajnuna f’każ ta’ diżastru, iżda l-pajjiżi Ewropej għadhom mhumiex qed jużaw din id-data sal-potenzjal sħiħ tagħha, jgħidu l-esperti f’rapport ippubblikat illum. Kondiviżjoni tad-data aktar sigura u regolari madwar l-UE tista’ tgħin lill-amministrazzjonijiet pubbliċi jużaw id-data tas-settur privat għall-ġid pubbliku.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern, Thierry Breton, qal:

Għandna opportunità straordinarja li nużaw l-ammont enormi ta’ data miżmuma privatament disponibbli, għall-benefiċċju tas-soċjetà tagħna u tal-ġenerazzjonijiet futuri u li mmexxu r-rivoluzzjoni tad-data fix-xena dinjija. Il-kondiviżjoni tad-data bejn in-negozji u l-gvern għall-interess pubbliku tista’ ssir bidla radikali f’dan l-aspett. Nirringrazzja lill-esperti għar-rakkomandazzjonijiet biex jgħinu biex dan iseħħ.

Ir-rapporteur tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar il-Kondiviżjoni tad-Data B2G, Alberto Alemanno qal:

Ir-rapport tagħna jissuġġerixxi kif l-UE tista’ ssir mexxejja globali fit-trawwim mhux biss ta’ qafas għall-aċċess għad-data B2G, iżda wkoll ta’ kultura tad-data sensibbli, inklużiva u parteċipattiva permezz ta’ sett ta’ soluzzjonijiet vijabbli, prattikabbli u skalabbli li jsaħħu l-benesseri.

Sabiex tiżdied il-kondiviżjoni tad-data min-Negozju għal Gvern (B2G), l-esperti jagħtu parir biex il-kondiviżjoni tad-data fl-UE ssir aktar faċli billi jittieħdu miżuri ta’ politika, legali u ta’ investiment fi tliet oqsma ewlenin:

  1. Governanza tal-kondiviżjoni tad-data B2G madwar l-UE: bħall-istabbiliment ta’ strutturi ta’ governanza nazzjonali, l-istabbiliment ta’ funzjoni rikonoxxuta (“stewards tad-data”) f’organizzazzjonijiet pubbliċi u privati, u l-esplorazzjoni tal-ħolqien ta’ qafas regolatorju madwar l-UE.
  2. It-trasparenza, l-involviment taċ-ċittadini u l-etika: bħal pereżempju li l-kondiviżjoni tad-data B2G issir aktar iċċentrata fuq iċ-ċittadin, l-iżvilupp ta’ linji gwida etiċi, u l-investiment fit-taħriġ u l-edukazzjoni.
  3. Mudelli operazzjonali, strutturi u għodod tekniċi: bħall-ħolqien ta’ inċentivi għall-kumpaniji biex jikkondividu d-data, it-twettiq ta’ studji dwar il-benefiċċji tal-kondiviżjoni tad-data B2G, u l-għoti ta’ appoġġ għall-iżvilupp tal-infrastruttura teknika permezz tal-programmi Orizzont Ewropa u Ewropa Diġitali.

Huma rrevedew ukoll il-prinċipji dwar il-kondiviżjoni tad-data tas-settur privat f’kuntesti B2G u inkludew prinċipji ġodda dwar l-obbligu ta’ rendikont u dwar l-użu ġust u etiku tad-data, li jenħtieġ li jiggwidaw il-kondiviżjoni tad-data B2G għall-interess pubbliku. Eżempji ta’ sħubijiet ta’ suċċess għall-kondiviżjoni tad-data B2G fl-UE jinkludu sistema miftuħa ta’ data dwar il-foresti fil-Finlandja biex tgħin fil-ġestjoni tal-ekosistema, l-immappjar tal-attivitajiet tas-sajd tal-UE bl-użu ta’ data ta’ traċċar tal-bastimenti, u data dwar is-sekwenzjar tal-ġenomi tal-pazjenti bil-kanċer tas-sider biex jiġu identifikati trattamenti personalizzati ġodda.

Ara l-prattiki tajbin u l-wegħdiet kollha dwar il-kondiviżjoni tad-data B2G.

Sfond

Aktar minn 33 zettabyte ta’ data ġew iġġenerati madwar id-dinja fl-2018, numru li mistenni jikber għal 175 zettabyte sal-2025. Dan l-ammont kbir ta’ data prodotta kuljum jista’ jiżvela informazzjoni f’ħin reali li hija kritika biex wieħed jifhem ix-xejriet tal-imġiba u l-attivitajiet tal-bniedem. Id-data b’mod ġenerali, u b’mod partikolari d-data miżmuma privatament, għandha potenzjal għoli li taqdi l-interess pubbliku ġenerali billi tinforma t-teħid tad-deċiżjonijiet, tipprovdi għarfien xjentifiku ġdid u ssolvi kwistjonijiet ta’ politika li jistgħu, pereżempju, itejbu t-twassil tas-servizz pubbliku.

Il-grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar il-Kondiviżjoni tad-Data bejn in-negozji u l-gvern twaqqaf fil-ħarifa tal-2018 u jinkludi membri minn firxa wiesgħa ta’ interessi u setturi. Ir-rakkomandazzjonijiet ippreżentati llum fir-rapport finali tiegħu jikkontribwixxu għall-istrateġija Ewropea għad-data u jistgħu jintużaw bħala input għal inizjattivi futuri oħra possibbli tal-Kummissjoni dwar il-kondiviżjoni tad-data bejn in-negozji u l-gvern.

Aktar informazzjoni