L-Att dwar l-IA jipprevedi bord xjentifiku ta’ esperti indipendenti dwar l-IA biex jassisti lill-Uffiċċju tal-IA u lill-awtoritajiet nazzjonali fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-Att dwar l-IA. Dan il-korp konsultattiv se jkollu rwol ewlieni fil-governanza, joffri pariri tekniċi u kontribut dwar l-infurzar, inkluża l-kapaċità li jwissi lill-Uffiċċju tal-IA dwar ir-riskji maħluqa minn mudell tal-IA bi skop ġenerali.
Il-Kummissjoni se tadotta att ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri għall-istabbiliment u t-tħaddim ta’ dan il-bord xjentifiku. Ladarba dawn ir-regoli jkunu fis-seħħ, il-Kummissjoni se tniedi sejħa għal espressjoni ta’ interess biex tagħżel l-esperti.
L-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni huwa miftuħ għall-feedback tal-pubbliku permezz tal-portal Semma’ Leħnek għal 4 ġimgħat. Tista’ Tissottometti l-kummenti tiegħek.