
Dan l-eżerċizzju jsegwi l-aħħar sensiela ta’ djalogi b’suċċess dwar il-politiki diġitali bejn il-Ġappun u l-UE, li saru fl-aħħar ta’ Frar li rriżultaw fi ftehim biex tiġi approfondita l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet bħar-regolamentazzjoni tal-pjattaformi u r-riċerka industrijali. Il-Ġappun u l-UE huma sħab mill-qrib fil-promozzjoni tal-aktar prattiki avvanzati taċ-ċibersigurtà għal pajjiżi oħra, u qed jikkollaboraw fuq kwistjonijiet oħra, bħall-avvanz ta’ trasformazzjoni diġitali ċċentrata fuq il-bniedem u l-istabbiliment ta’ standards fil-livell globali.
Il-programm ta’ taħriġ ġie żviluppat matul is-sena li għaddiet bħala l-ewwel output diġitali tas-Sħubija għall-Konnettività bejn l-UE u l-Ġappun u kien parti minn Ġimgħa taċ-Ċibersigurtà li tkopri s-sigurtà tal-apparat, tas-sistemi, tan-networks u tal-kontrolli użati fil-proċessi industrijali. Min-naħa Ewropea, ipparteċipaw esperti mid-Direttorat Ġenerali għan-Netwerks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija tal-Kummissjoni Ewropea u mill-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà.