Il-proġett pilota għandu l-għan li jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-awtonomija tal-UE fil-qasam tal-media, iwieġeb għall-isfidi u l-opportunitajiet teknoloġiċi attwali li jippermettu li ċ-ċittadini u l-professjonisti tal-media jiġu pprovduti b’firxa usa’ ta’ kontenut informattiv. Għal dan l-għan, dan il-proġett għandu jipprovdi soluzzjonijiet li jippermettu liċ-ċittadini jfittxu kontenut informattiv ipprovdut minn stazzjonijiet televiżivi pubbliċi u/jew privati u pjattaformi online ta’ aħbarijiet u informazzjoni/kontenut fl-Istati Membri u jipprovdu sottotitoli tradotti ta’ aħbarijiet u dokumentarji f’diversi lingwi Ewropej.
Il-proġett se jfittex li jistabbilixxi pjattaforma, kif ukoll alleanza teknoloġika u tal-kontenut fost l-atturi interessati fl-Istati Membri biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal kontenut online informattiv rikk u varjat minn stazzjonijiet tat-televiżjoni u pjattaformi tal-aħbarijiet u tal-informazzjoni online madwar l-Istati Membri, filwaqt li jħejji wkoll biex jiġi sfruttat il-potenzjal ta’ teknoloġiji ġodda inkluż il-kontenut tar-realtà awmentata u l-formati tal-midja li ġejjin.
Il-pjattaforma jenħtieġ li tagħmel użu mir-riżorsi disponibbli biex tipprovdi aċċess aħjar għall-aggregazzjoni, l-iskoperta u t-tiftix tal-kontenut b’sistema ta’ rakkomandazzjoni li tiffunzjona f’konformità mal-valuri demokratiċi, sistema ta’ traduzzjoni, u tiffaċilita l-istreaming tal-Video on Demand, u b’hekk tipprovdi stampa pluralistika tal-kontenut.