Din il-Komunikazzjoni tippreżenta t-trajettorji proġettati fil-livell tal-Unjoni għall-ilħuq tal-miri diġitali stabbiliti skont il-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali.
It-trajettorji tad-Deċennju Diġitali jservu bħala l-bażi għall-Kummissjoni biex timmonitorja l-progress lejn l-ilħuq tal-miri. Kull sena, bħala parti mir-Rapport dwar l-Istat tad-Deċennju Diġitali, il-Kummissjoni beħsiebha tqabbel il-valuri osservati għall-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni stabbiliti għal kull mira mal-valuri projettati tul it-trajettorji tad-Deċennju Diġitali.
Barra minn hekk, it-trajettorji tad-Deċennju Diġitali jservu bħala bażi għall-pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tad-deċennju diġitali tal-Istati Membri. Kull pjan direzzjonali nazzjonali jrid jinkludi trajettorji proġettati nazzjonali li jgħinu biex jintlaħqu l-miri diġitali rilevanti. L-Istati Membri jenħtieġ li jiddefinixxu l-livell ta’ ambizzjoni tagħhom u t-trajettorji nazzjonali tagħhom abbażi tat-trajettorji tad-Deċennju Diġitali fil-livell tal-UE, jiġifieri, skont il-perkors li l-indikaturi jeħtieġ li jsegwu biex jilħqu l-miri.
F’konformità mad-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika dwar id-Deċennju Diġitali 2030, l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għandhom jintużaw għall-monitoraġġ tal-progress tal-Unjoni skont il-miri diġitali stabbiliti f’dik id-Deċiżjoni.