Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
News article | Pubblikazzjoni

Sejħa għall-applikazzjonijiet għall-Grupp ta’ Esperti dwar l-Enerġija Intelliġenti tal-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni qed issejjaħ għal applikazzjonijiet bil-ħsieb li tagħżel membri tal-grupp minbarra l-awtoritajiet tal-Istati Membri u entitajiet pubbliċi oħra.

Id-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija (“DĠ ENER”) tal-Kummissjoni u d-Direttorat Ġenerali għan-Networks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija (“DĠ CNECT”) għadhom kif nedew Sejħa għall-Applikazzjonijiet biex jintgħażlu membri tal- “Grupp ta’ Esperti dwar l-Enerġija Intelliġenti” (“SEEG”) [C (2023) 6121].

Il-ħolqien ta’ dan il-Grupp ta’ Esperti formali u l-prinċipji gwida tiegħu ġew deskritti fil-pjan ta’ azzjoni tal-UE għad-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija, ippubblikat f’Ottubru 2022 [COM (2022) 552 final u SWD (2022) 341 final].

Filwaqt li jibni fuq il-ħidma tat-Task Force dwar il-Grilji Intelliġenti, is-SEEG għandu l-għan li jassisti lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw it-trasformazzjoni diġitali sostenibbli tas-sistema tal-enerġija, u fl-iżvilupp u l-użu ta’ soluzzjonijiet tal-enerġija intelliġenti li jappoġġaw u li huma allinjati strateġikament mal-għanijiet tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali.

Biex jintlaħaq dan l-għan, il-Kummissjoni se tistabbilixxi tliet sottogruppi taħt is-SEEG: 

  1. Il-grupp ta’ ħidma “Data għall-Enerġija” (“D4E”), kif imħabbar fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Enerġija, jiffoka fuq l-għoti ta’ rakkomandazzjonijiet u l-iffaċilitar tal-iskambju tal-aħjar prattiki rigward l-aċċess għad-data relatata mal-enerġija, il-kondiviżjoni tagħha u l-użu (mill-ġdid) tagħha. L-għan aħħari huwa li l-Kummissjoni tiġi appoġġjata fl-istabbiliment tal-pedamenti għal spazju komuni Ewropew tad-data għall-enerġija;
  2. Il-grupp ta’ ħidma “Responsabbilizzazzjoni u Protezzjoni tal-Konsumatur” għandu l-għan li jsaħħaħ l-involviment u l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi, li jippermettilhom jipparteċipaw b’mod attiv fis-suq tal-enerġija. Huma ser jesploraw ukoll modi kif il-konsumaturi jistgħu jibbenefikaw minn servizzi intelliġenti tal-enerġija u mudelli ta’ konsum/produzzjoni kollettivi innovattivi, li jgħinuhom fil-konservazzjoni tal-enerġija u fit-tnaqqis tal-kontijiet;
  3. Il-gruppta’ ħidma dwar iċ-ċibersigurtàse jipprovdi rakkomandazzjonijiet u gwida lill-Kummissjoni dwar iċ-ċibersigurtà għas-sistemi tal-enerġija. Dan jinkludi l-evalwazzjoni tar-ramifikazzjonijiet ta’ inizjattivi leġiżlattivi ġodda fil-qasam u l-esplorazzjoni ta’ kif l-aħjar jiġu indirizzati l-isfidi relatati.

Il-SEEG għandu jservi wkoll bħala pjattaforma fejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati mill-oqsma tal-enerġija u diġitali, jistgħu jiskambjaw informazzjoni u l-aħjar prattiki dwar kwistjonijiet ta’ enerġija intelliġenti.

Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għas-SEEG se tibqa’ miftuħa sas-6 ta’Novembru 2023.

Kuntest ġenerali