
GettyImages © KanawatTH
L-EuroQCI għandha l-għan li tiżviluppa networks ta’ komunikazzjoni siguri li se jkunu sikuri għall-kwantum eż. bl-użu ta’ kriptografija sikura għall-kwantum, u b’hekk tagħmilha sikura kontra attakki kwantistiċi u klassiċi madwar l-UE kollha u t-territorji extra-Ewropej tagħha. Dawn se jikkombinaw in-networks tal-fibra ottika terrestri u tal-komunikazzjoni bis-satellita. Dan se jagħti spinta lis-sigurtà ta’ data u komunikazzjonijiet sensittivi bejn l-istituzzjonijiet governattivi Ewropej, iċ-ċentri tad-data, l-isptarijiet, il-grilji tal-enerġija u infrastruttura kritika oħra.
Il-Kummissjoni diġà qed taħdem mal-Istati Membri u mal-ESA biex l-EuroQCI ssir realtà. Fl-Istati Membri, in-networks nazzjonali tal-komunikazzjoni kwantistika qed jiġu varati u eventwalment se jiġu konnessi fil-livell Ewropew. Skont il-ftehim iffirmat ilbieraħ, l-ESA se jkollha rwol ewlieni fit-tfassil tas-sistema globali tal-EuroQCI u se tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tas-segment spazjali taħt l-inizjattiva SAGA tagħha, b’kontribuzzjoni tal-UE ta’ EUR 138 miljun. Il-kompiti tal-ESA se jinkludu l-iżvilupp u l-validazzjoni tas-segment spazjali u l-integrazzjoni tiegħu man-networks nazzjonali. Il-EuroQCI hija parti ewlenija mill-IRIS2, is-sistema futura ta’ komunikazzjoni bbażata fl-ispazju tal-UE.
Roberto Viola qal:
Ilbieraħ, il-Kummissjoni ħabbret il-Kumpass tal-Kompetittività, l-aġenda politika ewlenija għas-snin li ġejjin, li tinkludi ż-żamma ta’ pożizzjoni ewlenija fit-teknoloġiji kwantistiċi. Għalhekk nilqa’ l-ftehim mal-ESA taħt il-EuroQCI, li jressaqna pass eqreb lejn it-twettiq tal-viżjoni tagħna fil-kwantum u b’mod aktar speċifiku ta’ network ta’ komunikazzjoni sikur kwantistiku għall-Ewropa bbażat fuq teknoloġiji terrestri u satellitari. Dan il-ftehim jibni fuq is-sħubija fit-tul tagħna mal-ESA f’teknoloġiji u applikazzjonijiet spazjali ewlenin bħal Copernicus, Galileo u l-inizjattiva IRIS2.
Laurent Jaffart qal:
Ilbieraħ, iċċelebrajna l-konklużjoni b’suċċess tan-negozjati u l-iffirmar ta’ dan il-Ftehim, pass kruċjali ’l quddiem li jenfasizza s-setgħa tas-sħubija fil-kisba ta’ għanijiet ambizzjużi. Permezz tal-kollaborazzjoni tagħna mal-Kummissjoni Ewropea u mal-Istati Membri, se niżguraw li l-EuroQCI tistabbilixxi l-istandard globali għal komunikazzjoni kwantistika sigura u innovattiva. L-ESA se tmexxi l-awtorità għall-Kuntrattar, id-Disinn u l-Kwalifika, filwaqt li tiżviluppa l-EuroQCI biex tipproteġi l-informazzjoni u l-assi kritiċi, u tmexxi l-attivitajiet ta’ R&Ż f’teknoloġiji kwantistiċi bbażati fl-ispazju.
Il-proġetti li jappoġġaw l-iżvilupp ta’ networks nazzjonali ta’ komunikazzjoni kwantistika u tat-teknoloġiji li jirfduhom, huma ffinanzjati mill-Programm Ewropa Diġitali. Bħalissa hija miftuħa sejħa Diġitali tal-FNE biex jiġu ffinanzjati r-rabtiet bejn in-networks nazzjonali, u se jiġu ppubblikati sejħiet għal attivitajiet futuri bħala parti mill-Programm għal Konnettività Sigura.
Il-EuroQCI hija konformi sew mal-Kumpass Ewropew tal-Kompetittività, li, fost għanijiet oħra, ifittex li jħeġġeġ aktar investimenti fl-infrastrutturi diġitali biex jittejjeb l-aċċess għal konnettività sigura, rapida u affidabbli. Se tikkontribwixxi wkoll għall-Istrateġija Kwantistika u l-Att Kwantistiku mħabbra bħala parti mill-Kumpass tal-Kompetittività, li se jservu biex jallinjaw il-programmi tal-UE u dawk nazzjonali fil-quantum u jappoġġaw l-investiment fl-infrastruttura pan-Ewropea tal-computing kwantistiku, tal-komunikazzjoni u tar-rilevament, bil-ħsieb li tikber l-ekosistema kwantistika Ewropea usa’.