Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
Press release | Pubblikazzjoni

Iċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza u n-Netwerk Ewropew fil-qasam taċ-Ċibersigurtà jimxi’ l quddiem: il-Bord ta’ Tmexxija futur jiltaqa’ għall-ewwel darba

Il-Kummissjoni Ewropea organizzat laqgħa virtwali informali tal-Bord ta’ Tmexxija futur taċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza fiċ-Ċibersigurtà, li laqqgħet rappreżentanti mill-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà, l-ENISA. Il-laqgħa ffukat fuq it-tħejjijiet għall-istabbiliment taċ-Ċentru u ddiskutiet il-passi li jmiss, inklużi l-aspetti prattiċi u r-regoli ta’ proċedura.

Dan isegwi l-ftehim politiku f’Diċembru dwar iċ-Ċentru u n-Network ta’ Kompetenza fiċ-Ċibersigurtà, inizjattiva li għandha l-għan li ttejjeb il-kapaċitajiet teknoloġiċi u industrijali taċ-ċibersigurtà tal-UE u tgħin biex jinħoloq ambjent online sikur. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza, li se jkun jinsab f’Bucharest, flimkien man-Netwerk ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni se jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet Ewropej taċ-ċibersigurtà kif ukoll biex tingħata spinta lill-eċċellenza fir-riċerka u l-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni f’dan il-qasam. Se timmaniġġja wkoll parti mill-finanzjament li huwa ddedikat għaċ-ċibersigurtà mill-Programm Ewropa Diġitali u Orizzont Ewropa, kif ukoll il-fondi kkontribwiti mill-Istati Membri. Iċ-Ċentru u n-Network Ewropew ta’ Kompetenza fiċ-Ċibersigurtà huma mistennija li jitniedu uffiċjalment f’Ġunju, soġġett għall-approvazzjoni formali mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-UE. Il-Bord ta’ Tmexxija taċ-Ċentru se jkun magħmul minn rappreżentanti mill-Istati Membri (27-il membru), il-Kummissjoni (żewġ membri) u l-ENISA (membru wieħed). Il-Kummissjoni se twaqqaf u tmexxi ċ-Ċentru sakemm ikun jista’ jopera b’mod indipendenti. 

Aktar informazzjoni