Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
Press release | Pubblikazzjoni

Pjan ta’ Azzjoni Medjatiku u Awdjoviżiv: Il-Kummissjoni tħejji djalogu dwar iċ-ċirkolazzjoni ta’ films, sensiliet televiżivi u kontenut awdjoviżiv

Dalgħodu, il-Kummissjoni organizzat diskussjoni ta’ livell għoli bl-għan li tistabbilixxi l-ambizzjoni għad-djalogu li jmiss mal-partijiet ikkonċernati dwar it-titjib tal-aċċess għall-kontenut awdjoviżiv u d-disponibbiltà tiegħu fl-Istati Membri kollha tal-UE.

graphic showing a computer screen and a number of logos representing various online services

iStock photo Getty Images plus

Il-Kummissarju għas-Suq Intern, Thierry Breton, qal:

Għandna offerta kbira ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni u servizzi online fl-UE, u għadd kbir ħafna ta’ films u sensiliet televiżivi prodotti kull sena. Iżda dawn ix-xogħlijiet ma jivvjaġġawx tajjeb fis-Suq Uniku tagħna. Il-konsumaturi, il-produtturi, id-distributuri, ix-xandara, il-pjattaformi tal-vidjow fuq talba u partijiet interessati oħra — qed inġibu lil kulħadd madwar il-mejda biex il-kontenut awdjoviżiv ikun disponibbli b’mod aktar mifrux madwar l-UE u jgħin lill-industrija tilħaq udjenzi usa’, filwaqt li nissalvagwardjaw il-kreattività u l-produzzjoni.

Ir-roundtable iffokat fuq il-ġbir tal-ewwel ideat dwar kif titrawwem iċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi madwar l-UE, u b’hekk jiġi żgurat li l-konsumaturi Ewropej ikunu jistgħu jaċċessaw varjetà usa’ ta’ kontenut. Wara din l-ewwel diskussjoni, u kif imħabbar fil-Pjan ta’ Azzjoni Medjatiku u Awdjoviżiv, il-Kummissjoni se torganizza diversi laqgħat ma’ assoċjazzjonijiet fil-livell tal-UE li jirrappreżentaw l-ilħna differenti tas-settur tal-AV, kif ukoll il-konsumaturi. Id-djalogu, li se jibda f’Novembru, għandu jgħin biex jiġu identifikati soluzzjonijiet innovattivi biex il-films, is-sensiliet u l-programmi televiżivi jsiru disponibbli b’mod aktar wiesa’ madwar l-Istati Membri u biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-konsumaturi għal varjetà usa’ ta’ kontenut awdjoviżiv. Din l-inizjattiva hija parti minn sforz usa’ biex jiġu appoġġati l-irkupru u t-trasformazzjoni tas-settur tal-media u dak awdjoviżiv, kemm permezz tal-kriżi kif ukoll lil hinn minnha.