Candelaria, li tinsab fil-Gżejjer Kanarji u tħares lejn l-Oċean Atlantiku, hija waħda mis-siti ewlenin tal-pellegrinaġġ Kristjan fil-Gżejjer Kanarji. Matul is-sena, huwa jospita kemm viżitaturi minn Spanja kontinentali kif ukoll turisti li ġejjin minn madwar l-Ewropa kollha.
Għall-muniċipalità ta’ Candelaria, il-forniment ta’ konnettività tal-Wi-Fi ta’ kwalità għolja, sigura u bla ħlas permezz tal-inizjattiva WiFi4EU kienet opportunità li ma setgħux jitilfu. Bħala parteċipant attiv f’ħafna programmi Ewropej, mill-Erasmus sal-programm ta’ Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (Interreg), Candelaria rat fil-WiFi4EU potenzjal kbir biex jittejbu s-servizzi diġitali u l-konnettività fit-territorju tagħha.
Għall-kuntrarju ta’ ħafna muniċipalitajiet oħra li ddeċidew li jinstallaw il-punti ta’ aċċess tal-WiFi4EU qrib iċ-ċentru tal-belt, is-Sindku Mari Brito spjega li l-prijorità ewlenija tagħhom fl-għażla tal-post fejn jinsabu ż-żoni tal-Wi-Fi kienet li jiġi żgurat li ċ-ċittadini li jgħixu fl-artijiet tan-nofs ikollhom opportunitajiet ta’ aċċess ugwali bħal dawk li jgħixu fiċ-ċentru tal-muniċipalità. L-erbatax-il hotspots tal-WiFi4EU huma għalhekk mifruxa madwar Candelaria, inkluż fil-bliet fil-qrib ta’ Araya, Cuevecitas, Malpaís, Barranco Hondo u Igueste. B’mod aktar speċifiku, is-sindku għażel ċentri kulturali u edukattivi, bini amministrattiv, ċentri tas-saħħa, mużewijiet, pjazez pubbliċi, parks, libreriji pubbliċi u ċentri tal-wirjiet, fejn għadd kbir ta’ ċittadini normalment ikollhom bżonn jikkonnettjaw għal varjetà ta’ servizzi differenti.
Fl-istampa: Mari Brito, Sindku ta’ Candelaria; Marc Berghmans, Uffiċjal tal-Proġetti tal-WiFi4EU
B’mod ġenerali, il-muniċipalità ta’ Candelaria kienet sodisfatta ħafna bl-inizjattiva WiFi4EU. Is-Sindku Brito enfasizza l- “esperjenza tal-utentta’ kwalità għolja” offruta mis-servizz WiFi4EU. Hija esprimiet ukoll gratitudni lejn proġetti Ewropej ta’ dan it-tip:
Dan huwa wieħed mill-modi li bihom hija inkorporata d-demokrazija: aċċess liberu, universali u ugwali għar-residenti u għan-nonresidenti kollha għal servizzi ta’ konnettività li jippermettu soċjetajiet ġusti, intelliġenti, edukati u infurmati. Din it-tip ta’ inizjattiva tkisser id-distakk diġitali li, sa ftit żmien ilu, impedixxa jew għamel l-aċċess għall-informazzjoni diffiċli ħafna.
Candelaria hija kburija ħafna li pparteċipat fl-inizjattiva WiFi4EU u se tkompli tikkontribwixxi għall-għan komuni Ewropew li l-konnettività tiġi ttrasformata fi dritt, disponibbli għaċ-ċittadini kollha u inkluż għal dawk b’riżorsi ekonomiċi jew tekniċi limitati.