Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
Success story | Pubblikazzjoni

L-Aġenzija Norveġiża għad-Diġitalizzazzjoni tuża l-għodda tal-Big Data tal-Kummissjoni biex tottimizza l-akkwist pubbliku

Digdir, l-Aġenzija Norveġiża għad-Diġitalizzazzjoni, użat l-Infrastruttura tat-Test tal-Big Data (BDTI) biex tgħin fl-ottimizzazzjoni tal-akkwist pubbliku fin-Norveġja.

evocation of big data

© metamorworks - iStock Getty Images Plus

Digdir ilha tgħin lill-amministrazzjonijiet pubbliċi Norveġiżi fit-trasformazzjoni diġitali tagħhom għal sitt snin. Huma diġà implimentaw network tal-PEPPOL, ibbażat fuq l-elementi kostitwenti tal-eDelivery u tal-Fatturazzjoni elettronika, biex jiddiġitalizzaw il-fatturazzjoni fl-akkwist pubbliku. Dan in-netwerk jippermetti lill-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati jiskambjaw il-fatturi diġitali mingħajr xkiel u jipproċessaw awtomatikament il-fatturi diġitali.  

Digdir kienet qed tfittex li tgħin biex ittejjeb l-akkwist pubbliku diġitali, jew l-akkwist elettroniku, saħansitra aktar billi tiġbor u tanalizza settijiet kbar ta’ data dwar it-tranżazzjonijiet f’dan il-qasam.

Kif għenet l-Infrastruttura tat-Test tal-Big Data (BDTI)?

L-infrastruttura tat-Test tal-Big Data (BDTI) għenet lill-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-proġetti mmexxija mis-settur pubbliku jtejbu l-esperjenza taċ-ċittadini, iżidu l-effiċjenza tal-gvern u jagħtu spinta lin-negozju permezz tal-big data.

Minn Frar 2019, it-tim tal-BDTI u Digdir ħadmu flimkien fuq proġett pilota biex janalizzaw id-data tal-akkwist, b’mod partikolari relatata mat-tranżazzjonijiet. L-ambjent virtwali lest għall-użu u l-kapaċitajiet analitiċi tal-BDTI għenu biex tinġabar u tiġi analizzata data tranżazzjonali rilevanti u tiġi ppreżentata lil ċerti negozji privati u organizzazzjonijiet pubbliċi. Dawn il-partijiet ikkonċernati jistgħu mbagħad jużaw id-data aggregata mill-BDTI biex jiksbu għarfien ewlieni, jidentifikaw il-konġestjonijiet fil-proċess u jottimizzaw il-prattiki u l-interazzjonijiet tagħhom stess ma’ organizzazzjonijiet oħra fil-katina tal-valur. Parti minn din id-data saret disponibbli għall-pubbliku wkoll.

Nimxu ‘l quddiem

Fil-kuntest ta’ dan il-proġett pilota tal-BDTI, Digdir ittamat li tagħmel id-data dwar it-tranżazzjonijiet disponibbli għall-pubbliku fl-2021. Huma kienu qed jikkunsidraw ukoll li jużaw l-element kostitwenti tal-Infrastruttura Ewropea tas-Servizzi tal-Blockchain (EBSI) fil-futur li, flimkien mal-eDelivery, il-Fatturazzjoni elettronika u l-BDTI, ikunu r-raba’ element kostitwenti użat minn Digdir. 

Id-data, l-għodod u r-riżultati minn dan il-proġett BDTI jistgħu jiġu kondiviżi ma’ proġetti pilota futuri. Filwaqt li diġà kien involut fl-użu tal-elementi kostitwenti tal-eDelivery u tal-Fatturazzjoni elettronika, dan il-proġett pilota wera l-valur tal-BDTI fil-kuntest ta’ proġett strateġiku usa’. L-ambjent virtwali tiegħu lest biex jintuża jippermetti lil aġenziji bħal Digdir, li huma impenjati li jimmassimizzaw il-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Norveġiżi, jesperimentaw b’ideat ġodda u jaqsmu l-għarfien tagħhom ma’ oħrajn, fi sforz kollettiv biex is-Suq Uniku Diġitali jsir realtà.