Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
Press release | Pubblikazzjoni

Il-Kummissjoni tiġbor fehmiet dwar il-Prinċipji Gwida tal-G7 dwar l-Intelliġenza Artifiċjali ġenerattiva

Illum il-Kummissjoni nediet stħarriġ tal-partijiet ikkonċernati dwar l-abbozz tal-Prinċipji Gwida Internazzjonali għall-organizzazzjonijiet li jiżviluppaw sistemi avvanzati tal-IA, li ntlaħaq qbil dwaru mill-ministri tal-G7 għall-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

graphic showing a human hand holding a hexagone with AI written in the middle

iStock photo Getty Images plus

Dawn il-prinċipji bħalissa huma żviluppati mill-Membri tal-G7 taħt il-proċess tal-Intelliġenza Artifiċjali ta’ Hiroshima biex jiġu stabbiliti gwidi fuq livell globali. Il-ħdax-il abbozz ta’ prinċipju gwida, li jkopru sistemi avvanzati tal-IA bħall-mudelli fundamentali u l-IA ġenerattiva, għandhom l-għan li jippromwovu s-sikurezza u l-affidabbiltà tat-teknoloġija. Abbażi ta’ dan, il-membri tal-G7 għandhom l-għan li jikkompilaw Kodiċi ta’ Kondotta li se jipprovdi gwida għall-organizzazzjonijiet li jiżviluppaw għodod tal-IA.

Věra Jourová, il-Viċi President għall-Valuri u t-Trasparenza, qalet:

L-IA ġenerattiva ġġib magħha opportunitajiet iżda wkoll riskji u sfidi u jeħtieġ li nsawru b’mod urġenti qafas għal din it-teknoloġija fil-livell globali. B’dawn il-prinċipji, l-UE u d-demokraziji tal-istess fehma se jkunu mgħammra bl-ewwel sett ta’ linji gwida internazzjonali biex jippromwovu użu etiku u sikur ta’ sistemi avvanzati tal-IA u jiżguraw li d-drittijiet universali tal-bniedem jiġu rispettati bis-sħiħ.

Thierry Breton, il-Kummissarju għas-Suq Intern, qal:

Bl-Att dwar l-IA, l-UE hija l-pijunier globali fl-istabbiliment ta’ regoli ċari u proporzjonati dwar l-IA biex jiġu indirizzati r-riskji u tiġi promossa l-innovazzjoni. Ninsab kuntent li l-prinċipji ewlenin tal-Att dwar l-IA jservu ta’ ispirazzjoni għall-approċċi internazzjonali għar-regolamentazzjoni u l-governanza tal-IA. Dan jirrifletti r-rwol tal-Ewropa bħala entità li tistabbilixxi l-istandards globali.

Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jikkontribwixxu għall-istħarriġ sal-20 ta’ Ottubru. Il-feedback li jasal ser jinforma l-pożizzjoni tal-UE fil-proċess tal-G7 u jikkontribwixxi għad-diskussjonijiet biex jiġu ffinalizzati n-negozjati dwar il-prinċipji gwida u l-iżvilupp ta’ Kodiċi ta’ Kondotta internazzjonali volontarju għall-iżviluppaturi tal-IA, li għandha tiġi approvata mill-mexxejja tal-G7 din is-sena.

Il-prinċipji gwida tal-G7 u l-Kodiċi ta’ Kondotta volontarju se jikkomplementaw f’livell globali r-regoli legalment vinkolanti li l-koleġiżlaturi tal-UE bħalissa qed jiffinalizzaw skont l-Att dwar l-IA.

Għall-istħarriġ tal-partijiet ikkonċernati