Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
Press release | Pubblikazzjoni

Il-Kummissjoni tiftaħ sejħiet ġodda biex tinvesti aktar minn EUR 122 miljun f’teknoloġiji u kompetenzi diġitali

Illum, il-Kummissjoni fetħet l-ewwel sett ta’ sejħiet għal proposti taħt il-Programm ta’ Ħidma Prinċipali 2023–2024 tal-Programm Ewropa Diġitali biex jissaħħu t-teknoloġiji u l-kompetenzi diġitali madwar l-UE.

slide showing 4 people using digital devices and icons representing different work areas such as health, cybersecurity - in the middlle of the slide a text with words Digital Europe Programme

Copyright European Commission

Is-sejħiet, b’valur ta’ aktar minn EUR 122 miljun, huma miftuħa għan-negozji, l-amministrazzjonijiet pubbliċi, u entitajiet oħra mill-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE, u l-pajjiżi assoċjati.

Dan iċ-ċiklu ta’ investiment se jkopri l-qasam tal-bini tal-fiduċja fit-trasformazzjoni diġitali, b’EUR 32 miljun għal proġetti relatati ma’ Netwerk ta’ Ċentri għal Internet Aktar Sikur li se jgħin lill-minorenni jindirizzaw ir-riskji online u jippermetti liċ-ċittadini jirrapportaw b’mod anonimu materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online.

Se jkun hemm ukoll investiment fiċ-ċentri tal-Osservatorju Ewropew tal-Media Diġitali li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni madwar l-Ewropa, il-qafas ta’ referenza tal-UE għall-iffrankar tal-enerġija, li se jiffaċilita l-iżvilupp ta’ applikazzjoni biex tgħin liċ-ċittadini jnaqqsu l-konsum tal-enerġija, kif ukoll sistema tal-IT li tappoġġa t-tneħħija ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online.

Barra minn hekk, EUR 31 miljun se jappoġġaw proġetti fil-qasam tad-data, b’investiment fil-proġett Genome for Europe biex tiġi stabbilita bażi tad-data Ewropea tal-ġenoma ta’ referenza li se trawwem avvanzi rivoluzzjonarji fir-riċerka, l-innovazzjoni, il-prevenzjoni tal-mard u l-għoti tal-kura tas-saħħa.

Il-proġetti fil-qasam tal-infrastruttura cloud to edge se jirċievu EUR 25 miljun f’għotjiet biex jappoġġaw l-Uffiċċju tal-Isfruttament tal-Proġett Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEI), li se jappoġġa u jxerred ir-riżultati cloud-to-edge tal-IPCEI, kif ukoll biex jappoġġa l-iżvilupp ta’ pjattaforma kollaborattiva sigura għall-industriji tal-ajrunawtika u tas-sigurtà.  

Se jkun hemm ukoll EUR 18 miljun għal proġetti fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali u EUR 16 miljun għall-promozzjoni ta’ ħiliet diġitali avvanzati, b’finanzjament għat-tisħiħ tal-ħiliet fis-semikondutturi, kif ukoll it-tisħiħ tal-ħiliet diġitali tal-istudenti żgħażagħ b’enfasi fuq il-bniet żgħażagħ.

L-iskadenza għall-applikazzjoni għal dawn is-sejħiet hija s-26 ta’ Settembru 2023 u l-informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet hija disponibbli online. Sejħiet addizzjonali taħt il-Programm ta’ Ħidma 2023–2024 se jiġu ppubblikati fl-aħħar ta’ Mejju u aktar tard din is-sena. Il-programm ta’ Ħidma 2023–2024 għandu baġit totali ta’ EUR 909,5 miljun, li minnhom EUR 392 miljun se jintużaw għal azzjonijiet fl-2023.

 Programm ta’ Ħidma Ewlieni 2023–2024