Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
Press release | Pubblikazzjoni

Coronavirus: L-ewwel robots tad-diżinfezzjoni tal-UE jaslu fl-isptarijiet

Illum żewġ sptarijiet Sloveni rċevew tnejn mill-ewwel robots mixtrija mill-Kummissjoni biex jiddiżinfettaw il-kmamar tal-pazjenti, u b’hekk għenu biex jitnaqqas u jitrażżan it-tixrid tal-coronavirus. 29 robots oħra ta’ diżinfezzjoni huma skjerati fi sptarijiet fil-Belġju, fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fl-Estonja, fl-Irlanda, fil-Greċja, fi Spanja, fil-Kroazja, fil-Litwanja, fil-Lussemburgu u fin-Netherlands. Dawn ir-robots jistgħu jiddiżinfettaw kamra tal-pazjenti ta’ daqs standard f’ 10 minuti billi jużaw dawl ultravjola u jiddiżinfettaw aktar minn 18 kamra f’ċarġ wieħed.

L-għan huwa li jiġi żgurat ambjent sterili fl-isptarijiet mingħajr ma l-persunal jiġi espost għal riskju bla bżonn. Peress li dan huwa proċess fiżiku aktar milli wieħed li juża diżinfettant kimiku, huwa aktar sikur għall-persunal tal-isptar peress li m’għadx hemm bżonn jimmaniġġja, jittrasporta jew jaħżen sustanzi kimiċi tossiċi, perikolużi jew korrużivi. Il-persunal tat-tindif jopera r-robot mill-bogħod permezz ta’ applikazzjoni mobbli u l-operazzjoni tinbeda minn barra l-kamra biex tiġi diżinfettata, u għalhekk l-ebda ħaddiem tal-kura tas-saħħa ma jkun preżenti matul il-proċess. Fornuti mill-kumpanija Daniża UVD Robots, li rebħet sejħa għall-offerti ta’ emerġenza, l-apparati huma parti mill-isforz tal-Kummissjoni biex tipprovdi tagħmir utli u meħtieġ lill-Istati Membri bħala għajnuna biex tiġi indirizzata l-pandemija. B’kollox, EUR 12 miljun huma disponibbli mill-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza biex jinxtraw 200 robots.

Ara wkoll

Coronavirus: Il-Kummissjoni se tipprovdi 200 robots ta’ diżinfezzjoni lill-isptarijiet Ewropej (stqarrija għall-istampa, 23 ta’ Novembru 2020)