Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
Press release | Pubblikazzjoni

Nagħmlu d-dinja online aktar sikura għat-tfal u ż-żgħażagħ fil-Jum għal Internet Aktar Sikur

Illum, iż-żgħażagħ, il-ġenituri, dawk li jieħdu ħsiebhom, l-għalliema, dawk li jfasslu l-politika, u r-rappreżentanti tal-industrija u l-organizzazzjonijiet, qed jiċċelebraw Jum għal Internet Aktar Sikur madwar id-dinja biex l-Internet isir aħjar u aktar sikur għat-tfal u ż-żgħażagħ.

Making the online world safer for children and young people on Safer Internet Day

European Commission

Il-protezzjoni tal-minorenni online u l-għoti tas-setgħa lilhom bil-ħiliet rilevanti huma prijorità ewlenija fl-UE. L-att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) huwa l-ewwel strument dinji li jindirizza kwistjonijiet bħall-bullying ċibernetiku, il-kontenut illegali u s-simplifikazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet. Ir-regoli tad-DSA diġà fis-seħħ għal Pjattaformi Online Kbar Ħafna u Magni tat-Tiftix Online Kbar Ħafna mis-sena l-oħra, ir-regoli tad-DSA se japplikaw għall-pjattaformi kollha mis-17 ta’ Frar 2024.

Filwaqt li tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA), l-istrateġija Ewropea għal internet aħjar għat-tfal (BIK +) timmira għal servizzi diġitali xierqa għall-età u tikkontribwixxi biex jiġi żgurat li kull tifel u tifla jkunu sikuri, mogħtija s-setgħa u rispettati online. Hekk kif it-teknoloġija tavvanza malajr, il-Kummissjoni għamlet disponibbli wkoll riżorsi ġodda permezz tal-portal Internet Aħjar għat-Tfal biex it-tfal jibqgħu sikuri u mogħtija s-setgħa fid-dinjiet virtwali.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha wkoll l-għan li tipproteġi aħjar lit-tfal fl-ambjent tal-iskola tagħhom billi tgħin lill-għalliema jsiru “gwardjani tal-iskejjel tad-DSA” li se jipprovdulhom taħriġ u materjal ta’ informazzjoni biex jgħinu lill-istudenti f’każ ta’ tħassib online. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ppubblikat ktejjeb disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE li jispjega fi kliem sempliċi kif id-DSA se jappoġġa dinja online aktar ġusta u aktar sikura għall-minorenni.

Il-Viċi President għad-Demokrazija u d-Demografija, Dubravka Šuica, qalet: “Il-ħin li t-tfal iqattgħu online kważi rdoppja bejn l-2010 u l-2020. Jitgħallmu, jilagħbu, jinteraġixxu u jesprimu ruħhom online. Filwaqt li l-internet jiftaħ opportunitajiet bla preċedent għat-tfal u ż-żgħażagħ, dan jippreżenta wkoll riskji. Permezz tal-Istrateġija l-ġdidagħal Internet Aħjar għat-Tfal, il-fergħa diġitali tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal, aħna nrawmu l-litteriżmu diġitali u naħdmu biex niżguraw li d-drittijiet ta’ kull tifel u tifla jiġu rispettati, protetti online, daqs offline.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern, Thierry Breton, qal: “Jum għal Internet Aktar Sikur huwa avveniment storiku fil-kalendarju tas-sikurezza online tagħna. Flimkien mad-DSA u l-istrateġija Internet Aħjar għat-Tfal, bnejna sett ta’ għodod biex nagħtu s-setgħa u nipproteġu lit-tfal online madwar l-UE. Aħna nistinkaw biex inrawmu użu aktar sikur u responsabbli tat-teknoloġija mit-tfal, fejn id-drittijiet tagħhom japplikaw online kif japplikaw offline”.

Għall-21 edizzjoni tal-Jum għal Internet Aktar Sikur, il-Kummissarju Breton irreġistra messaġġ bil-vidjo hawnhekk.