Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
Press release | Pubblikazzjoni

Jum għal Internet Aktar Sikur 2021: Internet aħjar għat-tfal u ż-żgħażagħ

It-Tlieta li għadda, 9 ta’ Frar 2021, kien Jum Internet Aktar Sikur. Imniedi fl-2004 u promoss min-netwerk iffinanzjat mill-UE ta’ Ċentri għal Internet Aktar Sikur fl-Istati Membri, il-jum ġie ċċelebrat online f’aktar minn 170 pajjiż madwar id-dinja. It-tema “Flimkien għal internet aħjar” hija sejħa biex kulħadd jissieħeb biex l-internet isir post aktar sikur u aħjar, speċjalment għat-tfal u ż-żgħażagħ.

Mariya Gabriel, il-Kummissarju għall-Innovazzjoni, ir-Riċerka, il-Kultura, l-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ, qalet:

Iż-żgħażagħ jeħtieġ li jħossuhom sikuri u mogħtija s-setgħa meta jinnavigaw fid-dinja online sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mid-dinja diġitali. Bil-pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Edukazzjoni Diġitali, aħna poġġejna l-edukazzjoni diġitali fiċ-ċentru tax-xenarju edukattiv tal-Ewropa, filwaqt li nippromwovu l-litteriżmu diġitali biex tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni online, nappoġġaw lill-edukaturi u lill-għalliema, u niżguraw apprendiment online ta’ kwalità.

Thierry Breton, il-Kummissarju għas-Suq Intern, qal:

Il-kriżi tal-coronavirus ġegħlitna nċaqalqu l-biċċa l-kbira tal-attivitajiet tagħna ta’ kuljum online u meta nħallu lil uliedna jibbrawżjaw l-internet, irridu li dawn jiġu protetti. Aħna impenjati li nagħmlu t-trasformazzjoni diġitali ta’ benefiċċju għal kulħadd b’mod sikur. Dak li huwa illegali offline għandu jkun illegali online. Issa nistennew li l-industrija tat-teknoloġija tagħmel il-parti tagħha għal internet aktar sikur fir-rigward tar-regoli tal-UE mingħajr dewmien.

Id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva li ġiet riveduta dan l-aħħar tirrikjedi li l-pjattaformi ta’ video-sharing online jirrestrinġu l-aċċess tat-tfal għal kontenut dannuż u l-Att dwar is-Servizzi Diġitali, propost f’Diċembru 2020, jipprevedi obbligi speċifiċi għal pjattaformi kbar ħafna biex jindirizzaw riskji sinifikanti għall-benesseri tal-minorenni. Barra minn hekk, il-pjattaforma Internet Aħjar għat-Tfal, iċ-ċentru ta’ riżorsi pan-Ewropew taħt l-Istrateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal, tipprovdi lit-tfal, lill-ġenituri tagħhom u lill-edukaturi b’ammont kbir ta’ informazzjoni u riżorsi rilevanti. Biex tipproteġiaħjar lit-tfal online, is-sena l-oħra l-Kummissjoni ppreżentat ukoll strateġija tal-UE għal ġlieda aktar effettiva kontra l-abbuż sesswali tat-tfal, li tiffoka fuq il-kooperazzjoni mal-industrija, it-tisħiħ tal-prevenzjoni, it-tisħiħ tar-rispons tal-infurzar tal-liġi u l-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta’ qafas legali b’saħħtu.

Aktar informazzjoni

Il-jum għal Internet Aktar Sikur