
AdobeStock © Michael Traitov
Dan isegwi l-ewwel għażla ta’ seba’ Fabbriki tal-IA f’Diċembru 2024.
L-Awstrija, il-Bulgarija, Franza, il-Ġermanja, il-Polonja, u s-Slovenja se jospitaw il-Fabbriki tal-IA magħżula ġodda, appoġġati minn investiment nazzjonali u tal-UE kkombinat ta’ madwar EUR 485 miljun. Il-fabbriki se joffru aċċess privileġġat għan-negozji ġodda tal-IA u għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), filwaqt li jrawmu t-tkabbir u l-espansjoni aktar effettiva.
Il-Fabbriki tal-IA huma pilastru ewlieni tal-istrateġija tal-Kummissjoni biex l-Ewropa ssir mexxejja fl-IA, li tlaqqa’ flimkien 17-il Stat Membru u żewġ stati parteċipanti assoċjati tal-EuroHPC. L-infrastruttura u s-servizzi pprovduti mill-Fabbriki tal-IA huma essenzjali biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-settur fl-Ewropa. Bl-appoġġ tan-network ta’ superkompjuters ta’ klassi dinjija tal-UE, dawn il-fabbriki se jiġbru flimkien l-ingredjenti ewlenin għall-innovazzjoni tal-IA: il-qawwa komputazzjonali, id-data, u t-talent. Dan se jippermetti lill-kumpaniji tal-IA, b’mod partikolari lill-SMEs u lin-negozji ġodda, kif ukoll lir-riċerkaturi, itejbu t-taħriġ u l-iżvilupp ta’ mudelli tal-IA fuq skala kbira, affidabbli u etiċi.
Kif imħabbar mill-President von der Leyen fis-Summit ta’ Azzjoni dwar l-IA f’Pariġi, l-inizjattiva Invest AI għandha l-għan li timmobilizza sa €200 biljun ta’ investimenti Ewropej fl-IA. Dan se jinkludi l-użu ta’ diversi Gigafactories tal-IA madwar l-Ewropa, li se jkunu faċilitajiet enormi ta’ computing ta’ prestazzjoni għolja mfassla biex jiżviluppaw u jħarrġu mudelli u applikazzjonijiet tal-IA tal-ġenerazzjoni li jmiss.
Aqra l-istqarrija għall-istampa sħiħa
Sib aktar informazzjoni dwar il-Fabbriki tal-IA