Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
Consultation | Pubblikazzjoni

Tassazzjoni ġusta: Il-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni pubblika dwar l-imposta diġitali

Il-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni pubblika dwar imposta diġitali ġdida. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tiżgura tassazzjoni ġusta fl-ekonomija diġitali, filwaqt li fl-istess ħin tikkontribwixxi għall-irkupru tal-Ewropa. It-tassazzjoni ġusta u l-iżgurar li l-Ewropa tkun lesta għall-Era Diġitali huma prijoritajiet ewlenin għall-Kummissjoni Ewropea, kif iddikjarat mill-President von der Leyen fil-Linji Gwida Politiċi tagħha.

Is-sistemi tat-taxxa waqgħu lura meta mqabbla mal-iżviluppi teknoloġiċi globali matul dawn l-aħħar snin. Dan wassal biex il-kumpaniji diġitali jħallsu ħafna inqas taxxa milli suppost. Il-kriżi tal-COVID-19 aggravat ukoll din is-sitwazzjoni peress li aċċellerat it-tranżizzjoni lejn dinja aktar diġitali u tat spinta lill-profitti u d-dħul għal ħafna kumpaniji online. L-imposta diġitali tgħin biex jiġi żgurat li r-regoli tal-UE jkunu adattati għall-iskop tagħhom fl-ekonomija diġitali, u li l-kumpaniji, kemm jekk diġitali kif ukoll jekk le, jikkompetu fl-Ewropa b’termini ġusti, u b’hekk jikkontribwixxu għall-irkupru.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ekonomija, Paolo Gentiloni, qal:

Il-konsultazzjoni pubblika tal-lum hija pass importanti lejn l-għan aħħari tagħna li niżguraw tassazzjoni ġusta tal-ekonomija diġitali. Il-kisba ta’ dan l-għan hija saħansitra aktar importanti fil-kuntest attwali. Il-COVID-19 ikkawżat xokk ekonomiku bla preċedent u hekk kif naħdmu biex nibnu rkupru sostenibbli, huwa vitali li l-kumpaniji kollha jagħtu kontribut suffiċjenti għal dan l-isforz.

It-tnedija tal-konsultazzjoni ssegwi l-mandat mogħti mill-Kunsill Ewropew f’Lulju 2020 biex joħroġ bi proposta għal riżorsa proprja ġdida sa Ġunju 2021. L-imposta se titfassal b’mod li jkun konsistenti mal-ħidma li għaddejja fl-OECD, u fil-G20, u se tkun konformi mad-WTO u ma’ obbligi internazzjonali oħra. Il-konsultazzjoni pubblika se ddum għaddejja għal 12 ġimgħat. Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jaqsmu l-fehmiet tagħhom.