Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
Press release | Pubblikazzjoni

Is-servizzi tal-Kummissjoni jiffirmaw arranġament amministrattiv mar-regolatur tal-media Taljan biex jappoġġaw l-infurzar tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali

Is-servizzi tal-Kummissjoni ffirmaw arranġament amministrattiv mar-regolatur tal-media Taljan (Autorità per le garanzie nelle comunicazioni, AGCOM) biex jappoġġaw is-setgħat superviżorji u ta’ infurzar tal-Kummissjoni skont l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA).

©Andrey Suslov - GettyImages

L-arranġament għandu l-għan li jiżviluppa għarfien espert u kapaċitajiet li se jgħinu lill-Kummissjoni tidentifika u tivvaluta r-riskji sistemiċi skont id-DSA, inklużi riskji relatati mat-tixrid ta’ kontenut illegali u diżinformazzjoni kif ukoll effetti negattivi fuq il-minorenni. Dan se jikkontribwixxi għall-organizzazzjoni tal-iskambju prattiku ta’ informazzjoni, data, prattiki tajbin, metodoloġiji, sistemi tekniċi u għodod mar-regolatur.

L-AGCOM inħatret il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għall-Italja u għalhekk se ssir parti mill-Bord għas-Servizzi Diġitali, li għandu jiġi stabbilit sa Frar 2024 u magħmul minn awtorità kompetenti waħda għal kull Stat Membru.

Is-servizz tal-Kummissjoni responsabbli għall-implimentazzjoni u l-infurzar tad-DSA, id-Direttorat Ġenerali għan-Networks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija (CNECT), reċentement ikkonkluda arranġamenti amministrattivi simili mar-regolaturi tal-media ta’ Franza u tal-Irlanda, u jinsab f’diskussjonijiet ma’ oħrajn li għandhom jitħabbru fi żmien debitu.

Dawn l-arranġamenti jsegwu r-Rakkomandazzjoni reċenti tal-Kummissjoni lill-Istati Membri għall-koordinazzjoni tar-rispons tagħhom għat-tixrid u l-amplifikazzjoni ta’ kontenut illegali fuq Pjattaformi Online Kbar Ħafna u Magni ta’ Tiftix Online Kbar Ħafna.

Id-DSA jistabbilixxi regoli importanti biex jissawwar ambjent online sigur u affidabbli fl-UE. Kooperazzjoni effettiva u attiva mal-Istati Membri u mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali hija kruċjali biex dan jinkiseb speċjalment fil-kuntest attwali ta’ kunflitt, ikkaratterizzat mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-attakki terroristiċi mill-Ħamas fuq Iżrael.