Il-laqgħa ministerjali ser tkun kopreseduta min-naħa tal-UE mill-Viċi Presidenti Eżekuttivi Margrethe Vestager u Valdis Dombrovskis, u min-naħa tal-Indja minn Subrahmanyam Jaishankar, Ministru għall-Affarijiet Esterni, Piyush Goyal, Ministru għall-Kummerċ u l-Industrija, u Ashwini Vaishnaw, Ministru tal-Elettronika u t-Teknoloġija tal-Informazzjoni. Se jingħaqdu magħhom ir-Rappreżentant Għoli u l-Viċi President Josep Borrell, kif ukoll il-Kummissarju għas-Suq Intern Thierry Breton.
Avvenimenti relatati mal-partijiet ikkonċernati diġà se jsiru nhar it-Tnejn, 15 ta’ Mejju qabel it-TTC, b’parteċipanti min-negozji, l-akkademja u s-soċjetà ċivili.
Dan il-forum li għadu kif inħoloq għandu l-għan li japprofondixxi s-sħubija strateġika dwar il-kummerċ u t-teknoloġija bejn iż-żewġ sħab. L-UE u l-Indja għandhom interess komuni li jiżguraw is-sigurtà, il-prosperità u l-iżvilupp sostenibbli bbażati fuq valuri komuni.
Tliet gruppi ta’ ħidma ħejjew il-ħidma li se tiffoka fuq it-teknoloġiji strateġiċi, il-governanza diġitali u l-konnettività diġitali; teknoloġiji ta’ enerġija ekoloġika u nadifa; u l-kummerċ, l-investiment u l-ktajjen tal-valur reżiljenti.
Din l-ewwel laqgħa ssegwi t-tnedija tat-TTC UE-Indja fis-6 ta’ Frar 2023 u t-tħabbira mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u l-Prim Ministru tal-Indja, Narendra Modi, fil-25 ta’ April 2022 fi New Delhi.