Il-programm ta’ politika tad-Deċennju Diġitali jistabbilixxi miri u objettivi komuni għall-2030 abbażi tal-valuri komuni Ewropej. Din tiffoka fuq erba’ punti kardinali: il-ħiliet diġitali, l-infrastruttura diġitali, id-diġitalizzazzjoni tan-negozji, u s-servizzi pubbliċi diġitali. Il-programm ta’ politika huwa akkumpanjat mid-Dikjarazzjoni dwar id-drittijiet u l-prinċipji diġitali Ewropej.
Skont l-Ewrobarometru, 76 % tal-Ewropej jemmnu li konnettività avvanzata u ċibersigurtà aktar b’saħħitha se jagħmlu l-użu tagħhom ta’ kuljum tat-teknoloġiji diġitali aħjar b’mod sinifikanti. Żewġ terzi taċ-ċittadini jappellaw għal aktar edukazzjoni u taħriġ biex jiżviluppaw il-ħiliet diġitali tagħhom. Bl-istess mod, żewġ terzi jqisu li t-teknoloġiji diġitali se jkollhom rwol importanti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Fl-aħħar nett, aktar minn 80 % tal-Ewropej jemmnu li l-Istati Membri għandhom jikkollaboraw aktar biex javvanzaw l-aċċess għat-teknoloġiji diġitali, kif ukoll biex jixprunaw l-innovazzjoni u jiżviluppaw suq kompetittiv.
Fir-rigward ta’ trasformazzjoni diġitali bbażata fuq il-valuri, nofs l-Ewropej biss iqisu li d-drittijiet u l-prinċipji diġitali huma protetti sew fl-Ewropa. 36 % taċ-ċittadini jaħsbu li jeħtieġ li jsir aktar, u fir-rigward ta’ ambjenti diġitali sikuri u kontroll fuq id-data ta’ persuna, inqas minn nofs isibu li l-implimentazzjoni tad-drittijiet u l-prinċipji diġitali f’pajjiżhom hija sodisfaċenti. B’mod partikolari, iċ-ċittadini huma mħassba fir-rigward tal-protezzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ.
Fil-qafas tad-Deċennju Diġitali, il-progress fl-ilħuq tal-miri u l-objettivi tal-UE, kif ukoll fl-implimentazzjoni tad-drittijiet u l-prinċipji diġitali, se jitkejjel kull sena. L-analiżi tinkludi rappurtar dwar proġetti multinazzjonali li jippermettu lill-Istati Membri jagħmlu avvanzi diġitali flimkien.
Ir-rapport sħiħ tal-Ewrobarometru
Id-deċennju Diġitalital-Ewropa: miri diġitali għall-2030