Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
Press release | Pubblikazzjoni

Iċ-Ċentru u n-Network Ewropew ta’ Kompetenza fiċ-Ċibersigurtà issa huma lesti li jibdew

Ir-Regolament li jistabbilixxi Ċentru ta’ Kompetenza fiċ-Ċibersigurtà ġdid u Netwerk ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni daħal fis-seħħ din il-ġimgħa. Iċ-Ċentru ta’ Kompetenza fiċ-Ċibersigurtà, li se jkun jinsab f’Bucharest, se jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet Ewropej taċ-ċibersigurtà u biex jagħti spinta lill-eċċellenza fir-riċerka u l-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni fil-qasam taċ-ċibersigurtà.

graphic with detail of a computer screen and warning "System hacked"

iStock photo Getty Images plus

Flimkien mal-Unità Ċibernetika Konġunta, proposta fit-23 ta’ Ġunju, hija parti mill-Istrateġija tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà mmirata biex tiżgura li ċ-ċittadini u n-negozji kollha jkunu sikuri mit-theddid ċibernetiku, biex l-entitajiet kritiċi fiżiċi u diġitali jsiru aktar reżiljenti u biex jinbena ċiberspazju globali, miftuħ, stabbli u sigur. Iċ-Ċentru u n-Netwerk il-ġodda ta’ Kompetenza fiċ-Ċibersigurtà se jiżviluppaw u jimplimentaw, mal-Istati Membri, l-industrija u l-komunità akkademika, aġenda komuni għall-iżvilupp tat-teknoloġija u għall-użu wiesa’ tagħha f’oqsma ta’ interess pubbliku, kif ukoll fin-negozji, speċjalment in-negozji żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). Se jiġbor flimkien ir-riżorsi mill-UE, l-Istati Membri tagħha u l-industrija biex itejjeb u jsaħħaħ il-kapaċitajiet teknoloġiċi u industrijali taċ-ċibersigurtà, filwaqt li jsaħħaħ l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE. Bil-ġestjoni tal-fondi taċ-ċibersigurtà taħt il-baġit fit-tul tal-UE 2021–2027, iċ-Ċentru se jikseb finanzjament mill-Programm Ewropa Diġitali u minn Orizzont Ewropa, kif ukoll kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi u tmexxi ċ-Ċentru ta’ Kompetenza fiċ-Ċibersigurtà f’Bukarest, sakemm ikun jista’ jopera b’mod indipendenti.