Skip to main content
Shaping Europe’s digital future

Il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer: L-ewwel prototip tal-pjattaforma Cancer Image Europe jibda jaħdem

  • PRESS RELEASE
  • Pubblikazzjoni 29 Settembru 2023

Illum, l-Inizjattiva Ewropea dwar l-Immaġnijiet tal-Kanċer laħqet l-ewwel stadju importanti: mil-lum, il-pjattaforma Cancer Image Europe tgħaqqad 36 sett ta’ data ta’ immaġnijiet ta’ 9 tipi ta’ kanċer (sider, kolon, pulmun, prostata, rektum, fwied, glijoma, newroblastoma, glioblastoma), għal total ta’ aktar minn 200,000 serje ta’ immaġnijiet ta’ madwar 20,000 individwu.

image of a nurse helping a patient undergoing medical scan and another person sitting behand a desktop
iStock photo Getty images plus

Ġiet ippubblikata wkoll l-ewwel verżjoni tar-regoli li se japplikaw għall-fornituri u għall-utenti tad-data, kif ukoll il-proċeduri operazzjonali għall-pjattaforma.

L-Inizjattiva għandha l-għan li tipprovdi infrastruttura federata Ewropea ta’ data dwar l-immaġnijiet tal-kanċer biex tappoġġa lill-fornituri tal-kura tas-saħħa, lill-istituti tar-riċerka u lill-innovaturi biex jagħmlu l-aħjar użu minn soluzzjonijiet innovattivi mmexxija mid-data għad-dijanjostika, għat-trattament u għall-kura tal-kanċer, għall-benefiċċju tal-pazjenti bil-kanċer.

Thierry Breton, il-Kummissarju għas-Suq Intern, qal:

Bit-tnedija tal-pjattaforma Cancer Image Europe, qed nisfruttaw is-setgħa tad-data fil-ġlieda tagħna kontra l-kanċer. Qed inwittu t-triq lejn infrastruttura transfruntiera, interoperabbli u sigura għad-data dwar l-immaġnijiet tal-kanċer fl-Ewropa, f’konformità mal-valuri u r-regoli tal-UE. Dan se jagħti spinta lill-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda mmexxija mill-IA għal kura aħjar tal-kanċer.

Stella Kyriakides, il-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, qalet: 

It-teknoloġiji diġitali se jirrivoluzzjonaw il-kura tas-saħħa, speċjalment fir-rigward tad-detezzjoni, it-trattament u l-kura tal-kanċer. Bħala parti mill-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, l-Inizjattiva Ewropea dwar l-Immaġnijiet tal-Kanċer se tkun kruċjali biex l-identifikazzjoni bikrija permezz tal-iskrinjar issir aktar preċiża, f’waqtha u aċċessibbli u tgħinna niżviluppaw il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ dijanjostika u trattamenti tal-kanċer.

F’konformità mal-Istrateġija Ewropea għad-Data u l-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa, l-Inizjattiva Ewropea dwar l-Immaġnijiet tal-Kanċer imnedija f’Diċembru 2022 hija waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer. Il-pjattaforma Cancer Image Europe li hija taħt l-Inizjattiva hija appoġġata mill-Programm Ewropa Diġitali b’EUR 18-il miljun. Il-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej taħt il-Programm Ewropa Diġitali se jappoġġaw l-introduzzjoni tat-teknoloġiji li huma rilevanti għal dan.

L-ewwel verżjoni ta’ din l-infrastruttura diġitali, imwassla mill-proġett tal-Federazzjoni Ewropea għall-Immaġnijiet tal-Kanċer (EUCAIM), fiha katalgu pubbliku ta’ settijiet tad-data dwar l-immaġnijiet tal-kanċer mir-repożitorji ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE relatati mal-Intelliġenza Artifiċjali għall-Immaġnijiet tas-Saħħa, kif ukoll għodda ta’ tiftix biex tinftiehem l-informazzjoni disponibbli fis-siti tal-fornituri tad-data madwar l-UE.