Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
Press release | Pubblikazzjoni

Era ġdida fuq skala eksa għas-supercomputing Ewropew: tħabbru ħames siti ospitanti ġodda

Tħabbru ħames siti ġodda għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ superkompjuters Ewropej, wara l-proċedura tal-għażla relatata.

graphic with picture of modern server room and a network of interconnected nodes

iStock photo Getty images plus

Dan jinkludi l-ewwel superkompjuter fuq skala eksa Ewropew, JUPITER, li se jiġi ospitat fiċ-Ċentru tas-Supercomputing ta’ Jülich fil-Ġermanja.

Il-kapaċità fuq skala eksa (superkompjuters b’kapaċità ta’ aktar minn biljun biljun kalkolu kull sekonda) tirrappreżenta pass teknoloġiku kbir għall-UE, u tippromwovi bil-kbir l-eċċellenza xjentifika Ewropea. Dan se jkun ta’ benefiċċju għal teknoloġiji komplementari, bħall-computing kwantistiku, it-tewmin diġitali, u l-big data. Dan se jiġi ffinanzjat bl-istess mod mill-Ġermanja u mill-Impriża Konġunta EuroHPC.

Intgħażlu erba’ siti oħra biex jospitaw superkompjuters, li se jkollhom kapaċitajiet fuq skala peta jew skala pre-eksa: l-infrastrutturi Nazzjonali għar-Riċerka u t-Teknoloġija fil-Greċja, l-Aġenzija Governattiva għall-Iżvilupp tal-IT fl-Ungerija, l-Università Nazzjonali tal-Irlanda (Galway), u ċ-Ċentru Akkademiku tal-Kompjuter fil-Polonja. Dawn il-magni se jsaħħu l-iżvilupp ulterjuri ta’ applikazzjonijiet xjentifiċi u industrijali ġodda fil-mediċina personalizzata, l-iżvilupp ta’ mediċini ġodda, l-immudellar tad-disinn tal-parks eoliċi, u r-riċerka bijomolekulari. 

Il-Viċi President Eżekuttiv għal Ewropa Lesta għall-Era Diġitali Margrethe Vestager qalet: 

Dawn il-ħames superkompjuters ġodda se jappoġġjawna fl-iżvilupp ta’ mudelli ta’ preċiżjoni għolja. Dan se jgħinna nindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà u niffaċilitaw ir-riċerka avvanzata fl-oqsma tat-tibdil fil-klima, il-kostimoloġija, l-inġinerija, ix-xjenza tal-materjali u aktar.

Is-siti l-ġodda se jkunu konnessi u disponibbli biex iservu firxa wiesgħa ta’ utenti Ewropej fil-komunità xjentifika, kif ukoll l-industrija b’mod partikolari n-negozji żgħar u ta’ daqs medju, u s-settur pubbliku madwar l-UE u l-pajjiżi parteċipanti. Aktar kmieni din il-ġimgħa f’ avveniment iddedikat, l-Impriża Konġunta EuroHPC inawgurat superkompjuter ieħor: LUMI, li jinsab f’Kajaani, il-Finlandja. LUMI huwa l-aktar superkompjuter veloċi u effiċjenti fl-użu tal-enerġija fl-Ewropa, ikklassifikat ukoll fit-tielet post l-aktar mgħaġġel fid-dinja. 

Aktar informazzjoni