Skip to main content
Shaping Europe’s digital future
Press release | Pubblikazzjoni

Unjoni tas-sigurtà: Jidħlu fis-seħħ ir-regoli tal-UE dwar it-tneħħija ta’ kontenut terroristiku online

Din il-ġimgħa daħlu fis-seħħ regoli importanti tal-UE dwar l-indirizzar tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online. Il-pjattaformi se jkollhom ineħħu l-kontenut terroristiku msemmi mill-awtoritajiet tal-Istati Membri fi żmien siegħa (1). Ir-regoli se jgħinu wkoll fil-ġlieda kontra t-tixrid ta’ ideoloġiji estremisti online — parti vitali mill-prevenzjoni tal-attakki u l-indirizzar tar-radikalizzazzjoni.

photo of a masked person in military battle dress behind a laptop

iStock photo Getty Images plus

Ir-regoli jinkludu salvagwardji b’saħħithom biex jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali bħal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni. Ir-Regolament se jistabbilixxi wkoll obbligi ta’ trasparenza għall-pjattaformi online u għall-awtoritajiet nazzjonali biex jirrapportaw dwar l-ammont ta’ kontenut terroristiku mneħħi, il-miżuri użati biex jiġi identifikat u jitneħħa l-kontenut, l-eżiti tal-ilmenti u l-appelli, kif ukoll l-għadd u t-tip ta’ penali imposti fuq il-pjattaformi online. L-Istati Membri se jkunu jistgħu jissanzjonaw in-nuqqas ta’ konformità u jiddeċiedu dwar il-livell ta’ penali, li se jkun proporzjonat man-natura tal-ksur. Id-daqs tal-pjattaforma se jitqies ukoll, sabiex ma jiġux imposti penali għoljin wisq meta mqabbla mad-daqs tal-pjattaforma. L-Istati Membri u l-pjattaformi online li joffru servizzi fl-UE issa għandhom sena biex jadattaw il-proċessi tagħhom. Ir-Regolament japplika mis-7 ta’ Ġunju 2022’il quddiem. Il-Viċi President għall-Promozzjoni tal-Istil ta’ Ħajja Ewropew Tagħna, Margaritis Schinas, qal:

B’dawn ir-regoli importanti ġodda, qed inrażżnu l-proliferazzjoni ta’ kontenut terroristiku online u qed nagħmlu l-Unjoni tas-Sigurtà tal-UE realtà. Minn issa ‘l quddiem, il-pjattaformi online se jkollhom siegħa biex joħorġu kontenut terroristiku mill-internet, filwaqt li jiżguraw li attakki bħal dak fi Christchurch ma jkunux jistgħu jintużaw biex iniġġsu l-iskrins u l-imħuħ. Dan huwa pass importanti ħafna fir-rispons tal-Ewropa fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kontra r-radikalizzazzjoni.

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni, Ylva Johansson, qalet:

It-tneħħija immedjata ta’ kontenut terroristiku huwa kruċjali biex it-terroristi jitwaqqfu milli jisfruttaw l-Internet biex jirreklutaw u jinkoraġġixxu l-attakki u biex jigglorifikaw ir-reati tagħhom. Huwa daqstant ieħor kruċjali li l-vittmi u l-familji tagħhom jiġu protetti milli jiġu kkonfrontati b’reati għat-tieni darba online. Ir-Regolament jistabbilixxi regoli u responsabbiltajiet ċari għall-Istati Membri u għall-pjattaformi online, filwaqt li jipproteġi l-libertà tal-kelma fejn meħtieġ.

Aktar informazzjoni